Lokali

Persuna qrib ħafna tas-CEO ta’ Transport Malta b’impjieg mal-kumpanija tat-trasport pubbliku

Persuna qrib ħafna ta’ James Piscopo, iċ-Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta ngħata mpjieg mal-kumpanija li qed tmexxi s-servizz tat-trasport pubbliku.

Dan ġie żvelat mill-gazzetta ‘il-mument, fejn ġie rrappurtat li din il-persuna, li huwa pensjonant, qiegħed fuq il-payroll u jippanċja bħal ħaddieħor, b’differenza li ngħata xogħol speċjali mal-Autobuses de Leon, il-kumpanija Spanjola tat-trasport pubbliku f’Malta li ngħatat kuntratt mill-Gvern ta’ €430 miljun.

Sorsi qrib l-operatur tat-trasport pubbliku li tkellmu ma’ il-mument komplew li l-Laburisti stess li jaħdmu f’din il-kumpanija qed isejħu lil din il-persuna qrib ħafna ta’ James Piscopo bħala “l-pensjonat tad-deheb”.

Il-Ministeru tat-Trasport u Transport Malta ħarbu milli jwieġbu għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta, billi wieġbu l-istess u qalu li fi Transport Malta, m’hemm ħadd li huwa nkarigat biex jinxtraw spare parts għall-karozzi tal-linja. Dan meta l-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta kienu dwar l-impjieg ta’ persuna qrib ħafna ta’ James Piscopo mal-kumpanija Autobuses de Leon.

Il-kelliem għal Transport Malta u għall-Ministeru naqsu wkoll milli jgħidu min jieħu ħsieb l-ordni u x-xiri tal-ispare parts għall-karozzi tal-linja. Intant, sakemm il-gazzetta ‘il-mument’ marret għall-istampa, kemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, kemm il-Ministru Joe Mizzi kif ukoll il-kumpanija li topera t-trasport pubbliku ma weġbux għall-mistoqsijiet dwar l-impjieg ta’ din il-persuna qrib ħafna ta’ Piscopo mal-kumpanija Autobuses de Leon u dwar jekk jarawx li hemm konflitt ta’ interess.

James Piscopo, eks-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, għandu pakkett finanzjarju ta’ €85,000 fis-sena bħala Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta; jiġifieri €7,000 fix-xahar.

Waqt li qed jokkupa l-kariga ta’ Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, James Piscopo fetaħ kumpanija privata ta’ konsulenza li ma tħaddem lil ħadd għajr li hu biss involut fiha bħala l-uniku direttur u shareholder. Dwar dan, il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal li ma jarax kunflitt ta’ interess.

Intant, f’risposta, il-kumpanija Malta Public Transport qalet li hija kumpanija privata u sussidjarja tal- Autobuses de Leonu li hija dizappuntata fuq dak li qed jigi allegat fil-Mument.

Spjegat li mhux vera li ntbghatu mistoqsijiet lill-kumpanija kif fil-fatt qed jigi allegat mill-gazzetta l-Mument.

Żiedet li Malta Public Transport ghanda dipartiment shieh tal-“procurement” u “purchasing” li huwa iċċentralizzat b’mod dirett mal-kumpaniji tal-grupp madwar id-dinja. Il-kumpanija għanda proċessi interni biex tiżgura l-aħjar valur u kwalità tal-ispare parts għall-karozzi tal-linja kollha, biex tiżgura s-sigurtà, il-kumdità u d-disponibbiltà tas-servizz tat-trasport pubbliku.

Aktar dwar Transport Malta u l-Kap Eżekuttiv James Piscopo fil-gazzetta Il-Mument…