Il-kandidat tal-Partit Repubblikan Amerikan, Donald Trump, mhux jitlef opportunità biex joħroġ b’allegazzjonijiet ġodda dwar lir-rivali tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton, meta jonqos biss ftit ġimgħat għall-elezzjonijiet Presidenzjali fl-Istati Uniti. Dan meta l-aħħar analiżi komplew juru li Trump qiegħed jaqta’ lura fiċ-ċifri tal-istħarriġ popolari.
Issa, Donald Trump – li jinsab taħt pressjoni minħabba dak li qed ikun żvelat dwar l-imġieba tiegħu man-nisa — akkuża lil Clinton ‘talli kienet wisq enerġetika u fuq tagħha’ fl-aħħar dibattitu bejniethom li xxandar lin-nazzjon. Fil-fatt Trump sostna li hu u Clinton ‘it-tnejn għandhom ikunu suġġetti għal testijiet tad-droga’ qabel id-dibattitu li jmiss.
Trump ħareġ bl-aħħar kummenti kontroversjali waqt rally għar-Repubblikani fi New Hampshire fejn qal li r-rivali tiegħu, ‘wara daqstant enerġija, bilkemm felħet tasal sal-karozza (wara d-dibattitu).’ Iżda Trump fl-ebda ħin ma pproduċa l-provi li jissostanzjaw dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Clinton.
Intant, Donald Trump issuġġerixxa wkoll li t-tellieqa għall-Presidenza tal-Istati Uniti qed tidher aktar bħala ‘eżerċizzju mtappan bit-tbagħbis u l-manipulazzjoni.’
//= $special ?>