Lokali

Baġit kożmetiku ta’ Gvern bla viżjoni – PN

Ir-reazzjoni tal-PN għall-baġit ta’ din is-sena tista’ tpoġġiha fi frażi waħda: dan huwa budget kosmetiku ta’ Gvern bla viżjoni. U biex tmexxi pajjiż, wieħed kien jistenna ferm aħjar minn dan il-baġit.

Biżżejjed ngħidilkom li f’dan il-budget il-Gvern tagħna viżjoni dwar Kemmuna, imma ma qalilnix x’inhi l-viżjoni tiegħu għal Malta u Għawdex:

Għada filgħodu il-kontijiet tad-dawl se jibqgħu l-istess;

Għada filgħodu se nerġgħu neħlu fit-traffiku;

Għada filgħodu l-ħaddiema tal-Airmalta se jibqgħu ma jafux fejn qegħdin;

Għada filgħodu min ibati bil-kanċer se jibqa’ jittallab għall-mediċini.

1. L-aktar miżura mistennija – it-traħħis fil-kontijiet ma wasalx. Dan huwa xokk għax illum kulħadd jaf li il-Gvern imissu ilu li raħħas il-kontijiet mill-anqas sena – u dan grazzi għall-interconnector, il-BWSC u r-roħs sostanzjali fil-prezz internazzjonali taż-żejt. Din il-miżuri kienet taffettwa lil kulħadd. Dan apparti mill-fatt li t-tanker tal-gass ma jissemma mkien f’baġit ta’ aktar minn 140 paġna.

2. Faqar – il-budget ifalli l-Caritas test dwar il-faqar: qed jagħti €4 (inkluż il-COLA) fil-ġimgħa allowance lil min qiegħed fuq paga minima kif ukoll lill-pensjonanti. Iżda dan mhux għajr frak li żgur li mhux biżżejjed biex jindirizza s-sitwazzjoni dejjem tikber tal-faqar. Dak ir-rapport kien qal li fl-aħħar tliet snin biss, familja bi dħul baxx żdiditilha l-ispiża b’ €800 fis-sena. Lil dawn, mit-€800 li marru minn taħt, Joseph Muscat issa tahom biss €200 minn dawn.

3. L-Oppożizzjoni xorta tat roadmap soċjali lill-Gvern bil-proposti tagħha li ntlaqgħu, fosthom:
it-tneħħija tal-income tax fuq il-pensjonijiet;

tnaqqis tat-taxxa fuq dividends mix-shares;

it-tneħħija taż-żieda fuq il-kera soċjali, li kienet taxxa fuq il-faqar ta’ Gvern Laburista;

is-sick leave jintuża meta t-tfal jimirdu – għalkemm konsultazzjoni biss ħabbar;

4. Budget bla viżjoni: Huwa budget niexef mill-ideat għax m’għandux viżjoni ta’ fejn għandu jmur il-pajjiż u kif għandna nindirizzaw l-isfidi quddiemna. Bla viżjoni fit-tul dwar:

l-ekonomija – l-ebda settur ekonomiku ġdid ma tħabbar u l-impiegi li rridu naħsbu għalihom għaż-żgħażagħ tagħna;

il-middle class intesew kompletement;

u l-istess is-self employed, tal-ħwienet u s-settur tal-manufattura – m’hemm xejn għalihom;

l-isfidi: għas-sistema ta’ tassazzjoni tagħna; it-tmiem tal-fondi Ewropej; u l-Brexit;

l-ebda pjan fit-tul dwar it-traffiku;

l-ebda pjan għall-ħarsien tal-ambjent (tnaqqis tal-budget kapitali b’€40M fl-ambjent);

5. Kosmetiku għax mimli cut and paste minn snin ta’ qabel fuq:

Għawdex – fejn għandna ripetizzjoni tal-istess miżuri li tħabbru f’budgets ta’ qabel u biex tgħaqqad, kumitat biex wara li tneħħew il-poteri tal-Ministeru t’Għawdex, issa jistudja x’poteri għandhom jerġgħu jgħaddu Għawdex;

housing soċjali: proġett ta’ €50 miljun mħabbar is-sena li għaddiet li fuqu lanqas intefqu 50 centeżmu;

agrikoltura u sajd reġa’ rrepeta l-istess affarijiet li ilu jgħid f’budgets preċedenti.

Meta tħalli lill-Ministru ewlieni tiegħek u ċ-Chief of Staff ma saqajk minkejja li għandhom kumpanija sigrieta fil-Panama, tkun mehdi wisq kif se tipprova tiżboh il-make-up; tkun kosmetiku; u superfiċjali, imma tkun nieqes minn dak li meħieġ għall-pajjiż. Għalhekk huwa budget kosmetiku, superfiċjali ta’ Gvern bla viżjoni.