Lokali

Editorjal: Il-baġit tan-nies

Illum il-baġit li suppost għandu jkun eżerċizzju tal-Gvern bl-aktar mezz importanti – il-flus, biljuni, li jiġbor f’taxxi – biex iwieġeb għall-bżonnijiet u t-tħassib tan-nies.

It-tħassib u l-bżonnijiet tan-nies
U fuq xiex huma mħassbin in-nies, kif joħroġ ukoll minn stħarriġiet tal-fehma tan-nies ippubblikati? L-aktar:
· il-pagi u l-pensjonijiet baxxi,
· il-problemi fl-infrastruttura bħat-traffiku,
· il-kwalità tal-ħajja titbaxxa bil-problemi ambjentali, u
· l-korruzzjoni li llum telgħet fil-livell ta’ Kastilja stess.

Il-pagi u l-pensjonijiet baxxi
· għax kemm ilu dal-Gvern naqsu b’mod reali – wara li taqta’ l-effett tal-għoli tal-ħajja – kif jikkonfermaw ċifri tal-Gvern stess u anke tal-Unjoni Ewropea,
· għax dal-Gvern ta l-agħar żidiet fi 30 sena għal għoli tal-ħajja li dak uffiċjali hu diġà fost l-ogħla fl-Ewropa anke għax żamm il-petrol u d-diesel għaljin ħafna waqt li
· l-għoli tal-ħajja veru l-Caritas sabet li hu ħafna ħafna aktar milli jammetti l-Gvern,
· u billi naqsu l-pagi u l-pensjonijiet meta tqis l-għoli tal-ħajja, żdied ukoll il-faqar bl-eluf kif juru l-aħħar ċifri tal-Gvern stess dwar il-faqar;
· pagi li naqsu wkoll għax il-Gvern ma ġibed l-ebda industrija ġdida f’dawn it-tliet snin u nofs biex ikun hawn xogħol ta’ kwalità b’pagi ta’ kwalità.

L-infrastruttura bi problemi kbar bħat-traffiku
· għax il-Gvern qed jinvesti mill-anqas bir-riżultat li t-traffiku sar “kriżi u pjaga nazzjonali” kif ammetta Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista stess,
· ma’ dan, trasport pubbliku ħażin minkejja kuntratt jinten ta’ 430 miljun ewro,
· fit-toroq allaħares m’hawnx il-flus tal-Ewropa li ġab il-Gvern Nazzjonalista għax kieku l-Gvern mhu jagħmel xejn fihom, u
· l-parking li wkoll qed isir problema enormi.

Il-kwalità tal-ħajja titbaxxa bil-qerda ambjentali
· Art pubblika qed tingħata b’xejn lil spekulaturi li qed jixorbu miljuni kbar li jistgħu ikunu investiti ferm aħjar u b’mod produttiv flok spekulattiv;
· m’hawn l-ebda studju serju fuq il-propjetà li diġà teżisti imma ġirja ta’ spekulazzjoni riżultat evidenti ta’ korruzzjoni;
· hawn problemi li rridu naħsbu fil-fond fuqhom fil-kwalità tal-ħajja bħal dik tal-obeżità li issa laħqet 70 fil-mija tal-popolazzjoni
· fejn allura s-soluzzjoni żgur mhix id-degradazzjoni tal-kampanja u tal-ftit spazji miftuħin li baqa’.

Il-korruzzjoni li qed tiswa flus kbar lill-pajjiż
· għax flok jitfa’ l-miljuni fi bwiet in-nies, il-Gvern qed jitfagħhom fil-kontijiet u l-kumpaniji sigrieti ta’ Kastilja fil-Panama;
· għax flok jgħin lil min hu fil-bżonn, qed jitfa’ l-miljuni fi bwiet tal-qalba, ewlenin fosthom bwiet ħbieb il-Prim Ministru jiffangaw fi flus u ħwejjeġ il-poplu;
· għax flok jaħtar lil min hu kapaċi biex jindirizza l-problemi, il-Gvern għamel il-ħatriet pubbliċi eżerċizzju ieħor ta’ korruzzjoni;
· għax flok jagħmel garanzija ta’ 360 miljun għal investiment produttiv f’industriji ġodda, fl-infrastruttura, fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ għal xogħol ġdid, il-Gvern għamel garanzija ta’ 360 miljun għal power station suppost privata u evidentement korrotta.

Dan hu li qed jinkwetaw fuqu n-nies. U bħas-soltu nistennew ħafna paroli sabiħ – bħal meta Joseph Muscat mar jinawgura torri quddiem l-istadium l-antik – li jibqa’ paroli għax il-korruzzjoni tibza’ mill-bidla; il-korruzzjoni trid tibqa’ taħtaf hi.

https://youtube.com/watch?v=xz3Re9_tXFc%3Frel%3D0