Lokali Saħħa

Il-Morning After Pill se tkun tista’ tinxtara mingħajr preskrizzjoni tat-Tabib

Il-Morning After Pill se tkun tista’ tinxtara mingħajr preskrizzjoni tat-Tabib. Dan skont il-Kap tal-Awtorità tal-Mediċina Anthony Serracino Inglott f’kumment li ta lil Times of Malta.

Hu qal li bħala Awtorità, ħarsu lejn ir-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-Kumitat Parlamentari li kien qed jitratta l-Morning After Pill u ddeċiedew li biex jassiguraw l-effetti tal-pillola bħala kontraċettiv, din għandha tinxtara mingħand l-Ispiżjar mingħajr riċetta tat-Tabib.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Kumitat Parlamentari kien qed jiddibatti jekk il-Morning After Pill għandhix tiddaħħal f’Malta jew le. Id-deċiżjoni li din tibda tinxtara f’pajjiżna mingħajr bżonn ta’ riċetta waslet ftit tas-sigħat wara li fil-Belt saret protesta mill-NGO Gender Equality Malta, fejn sar l-appell biex in-nisa jkunu jistghu jagħmlu deċiżjonijiet għalihom infushom u mingħajr interferenza.

Skont il-Professur Serracino Inglott, il-Kumitat Parlamentari bbaża l-pożizzjoni tiegħu fuq l-informazzjoni li ta l-Kunsill Mediku ta’ Malta. Qal li l-Awtorità dejjem ibbażat id-deċiżjonijiet tagħha fuq il-kwalità tal-pillola, is-sigurtà tal-pazjenti u l-effettività tal-pillola.

Sodisfazzjon minn Simon Busuttil wara din id-deċiżjoni
Fi stqarrija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Mediċina, filwaqt li faħħar ħidmet l-għaqdiet mhux governattivi biex dan il-pass seta’ jsir.

Filwaqt li sellem sehem in-nisa, li ddeskrivihom bħala l-aġenti tal-bidla, Simon Busuttil innota kif diġà kien ġibed l-attenzjoni kif b’kunsens fil-Kumitat Parlamentari, id-deċiżjoni aħħarijiet tkun f’idejn l-Awtorità tal-Mediċini.