Fil-budget ma kien hemm l-ebda risposta dwar l-Air Malta. Il-Gvern qal biss li se jibqa’ miftuħ għal kull possibiltà fejn tidħol il-linja nazzjonali tal-ajru. Il-ħaddiema, baqgħu jistennew risposti ċari u konkreti.
Kien f’April li għadda meta l-Gvern iffirma ‘Memorandum of Understanding’ (MOU) mal-Alitalia sabiex ibiegħ il-linja nazzjonali tal-ajru. Dan meta sa mill-bidu kien ċar li l-kumpanija Taljana tinsab hi stess fi problemi kbar, tant li qed issofri telf ta’ nofs miljun ewro kulljum.
Wieħed irid ifakkar li fil-budget tas-sena l-oħra, Edward Scicluna kien qal li l-Gvern irid li l-linja nazzjonali jkollha pjan ta’ tkabbir għall-medium u l-long-term (Budget 2016). Sa sena ilu kien għadu ma semmiex il-privatizzazjoni. Anzi, ta x’jifhem li se jkompli jibni fuq ir-ristrutturar li inbeda minn Gvern Nazzjonalista.
Illum, sena wara, l-Air Malta tinsab f’xifer falliment, u s-soluzzjoni tal-Gvern hi biss li se jżomm il-possibiltajiet kollha miftuħin.
Ironikament, il-politika tal-Gvern għal Kemmuna fiha iktar dettalji miż-żewġ paragrafi li qara l-Ministru Edward Scicluna dwar l-Air Malta.
//= $special ?>

