Britanniku minn North Yorkshire li jħobb ifittex għall-oġġetti prezzjużi bħala passatemp spiċċa ‘jirbaħ il-lotterija’ bis-sejba ta’ ċurkett rari, li jmur lura għall-era tal-monarkija tat-Tudors.
Intant, ir-raġel, Lee Rossiter, irnexxielu jbiegħ ‘din il-biċċa ġojjellerija straordinarja’ għal somma li ma kenitx żvelata iżda li mifhuma li kienet ‘il fuq sew minn 10,000 Sterlina. Rossiter kien sab iċ-ċurkett – ‘il-Green Hammerton Ring’ – b’detector tal-metall li ma tantx swielu flus u li hu kien xtara fuq eBay.
Madwar 80 fil-mija taċ-ċurkett, li jmur lura għas-seklu ħmistax, hu magħmul mid-deheb u ċ-ċurkett fih ukoll il-ħaġar prezzjuż. Iċ-ċurkett instab waqt ħarġa tal-membri tal-Yorkshire Searchers Metal Detecting Club fi Green Hammerton, qrib ta’ Harrogate.
Rossiter jirrakkonta li ħassu eċċitat ħafna bis-sejba iżda ħabib tiegħu qallu li ‘kienet tkun kumbinazzjoni kbira wisq li kieku (iċ-ċurkett) kien tassew tad-deheb’. Intant, Rossiter innota mal-ewwel li ċ-ċurkett ‘kellu toqol partikulari’ u meta vverifika l-affarijiet mal-esperti dawn serrħulu rasu li dan kien ċurkett antik li kien imur lura għall-era ‘Tudor’.
Dan it-tip ta’ ġojjellerija li kien jintlibes fl-Ewropa Medjevali jirrifletti soċjetà antika li ‘kienet konxja ħafna mill-istatus fil-ħajja’ – b’mod partikulari l-membri tal-familji nobbli u rjali li kienu jispikkaw għaċ-ċrieket u ornamenti oħra tad-deheb u l-ħaġar prezzjuż li kienu jilbsu.
//= $special ?>