Djibril Ganiou ammetta li kellu argument mal-vittma Caroline Magri u li taha daqqa ta’ sikkina iżda ma jiftakarx x’għamel bl-arma tad-delitt u bil-qmis li kien liebes. Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud hekk kif illum bdiet il-kumpilazzjoni fil-każ kontra Djibril Ganiou li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Carolina Magri ta’ 41 sena – omm ta’ sebat itfal – fl-appartament tagħha f’Ta’ Giorni fit-30 ta’ Settembru li għadda.
Quddiem il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, l-Ispettur Arnaud xehed li kien daħlilhom rapport il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru waranofsinhar li nstabet mara mejta fl-appartament tagħha. Meta marru fuq il-post, huma sabu lill-vittma wiċċa ‘l fuq fuq is-sodda u kienet liebsa bil-ħwejjeġ ta’ taħt u mgħottija b’liżar. Hi kellha qata’ kbira f’għonqha u kien hemm ħafna dmija fuq is-sodda kif ukoll titjir madwar il-kamra is-sodda. Dak il-ħin kien hemm ukoll waħda minn ulied il-vittma, Vincienne Magri ta’ 19-il sena, ir-raġel ta’ oħtha u Moses Bafoe, li kien l-eks sieħeb tagħha u li kellu żewġt itfal ta’ 3 snin u 4 snin mal-vittma u li kien għadu joqgħod fl-appartament mal-vittma.
Kien propju Bafoe li sab lil Caroline Magri mejta. Bafoe qal lill-pulizija li l-aħħar li ra lill-vittma ħajja kien il-lejl ta’ qabel fid-9p.m. Hu spjega li r-relazzjoni ta’ bejniethom ma kienitx waħda tajba u ġieli kienet toħroġ filgħaxija u ma torqodx fl-appartament. Bafoe qal li dakinhar tad-delitt hu kien ħareġ mill-appartament għall-ħabta tas-6.30a.m. u l-vittma kienet għada ma rritornatx. Meta ġie lura għall-ħabta tal-4.30p.m. hu sab lil Caroline mejta. Informa lil bintha Vincienne u mar jagħmel rapport ta’ x’ġara fl-għassa ta’ San Ġiljan.
L-Ispettur Arnaud kompla li Bafoe kien jaf bir-relazzjoni li l-vittma kellha mal-akkużat u li kien hemm xi nkwiet bejiethom. Kemm Bafoe kif ukoll familjari tal-vittma qalu li kien jafu b’inċidenti bejn l-akkużat Ganiou u l-vittma fejn Ganiou kien heddidha li joqtolha u mbagħad joqtol lilu nnifsu. L-Ispettur qal li dan kien korroborat minn rapporti li saru lill-Pulizija u li kienet bdiet proċeduri fil-konfront ta’ Ganiou, li iżda twaqqfu mill-vittma li kienet ħafritlu.
Wara li f’Awwissu li għadda, Ganiou u Magri kienu nvoluti fi ġlieda ma’ żewġ immigranti fl-appartament fejn kien jgħix magħhom fil-Furjana, Ganiou kien ordnat mill-Qorti biex joħroġ mill-post u għaldaqstant ma kellux saqaf fuq rasu. Ir-raġel ta’ oħt il-vittma offra li jselliflu post li kellu f’Tas-Sliema. Il-Pulizija marru fuq il-post iżda l-akkużat ma kienx hemm. Kien il-pulizija li kien stazzjonat fixed point li eventwalment arresta lil Ganiou ‘l għada filgħodu meta mar lura lejn l-appartament tiegħu.
Meta kien arrestat, l-akkużat kellu fuqu żewġ telefons ċellulari, li jirriżultaw li wieħed minnhom kien tal-vittma Caroline Magri. Hu kien eżaminat mit-tabib Mario Scerri li nnota li kellu żewġ marki ta’ qtugħ fuq għonqu li kienu jidhru friski.
L-Ispettur Arnaud qal li fl-ewwel interrogazzjoni, Ganiou stqarr li kien jaf lill-vittma madwar erba’ snin iżda r-relazzjoni bdiet tmur għall agħar u kienet qaltlu li kellha relazzjoni ma’ Sirjan. Fl-istqarrija tiegħu, Ganiou qal li dakinhar tal-inċident fil-5.30a.m., ċemplitlu l-vittma u hu kien id-dar rieqed iżda ma weġibx. Iktar tard, bejn it-8a.m. u d-9a.m. Magri reġgħet ċemplitlu u qaltlu li tħobbu u se tagħmel suwiċidju. Meta staqsieha għal min kienet qed tirreferi jekk hux għalih jew għall-akkużat, Ganiou qal li hi qalet li qed tirreferi għalih. Dak il-ħin hu sema’ l-kelma “danger” u qatgħet. Dak il-ħin, qal li mar bir-rota u sabha mejta. L-Akkużat stqarr li ma ċempilx lill-pulizija u għal ambulanza għaliex beża’. Ftit wara, hu mar jiffirma fl-għassa ta’ San Ġiljan u lanqas hemm, ma semma xejn dwar x’ra fl-appartament ta’ Magri. Għamel xi 5 minuti fl-appartament iżda baqa fil-kamra tas-sodda. Ma ċempilx pulizija għax beża’.
L-Ispettur Arnaud kompla li fuq il-post fejn seħħ id-dielet hemm erba’ CCTV cameras madwar il-kantunieri tal-blokka u tlieta minnhom kienu jaħdmu.
Il-filmat li deher minn dawn il-cameras jikkontradixxi li kien qed jgħid Ganiou fl-ewwel interrogazzjoni. Mill-filmat irriżulta li l-akkużat deher miexi bil-pass lejn l-appartament tal-vittma fis-7.30a.m u kien liebes jeans u qmis. Fl-10.35 a.m. dehret tasal il-vittma bil-karozza u pparkjat fil-post fejn eventwalment instabet wara li kien rappurtat id-delitt. Għall-ħabta 11.35 a.m. l-akkużat deher ħiereġ barra fil-karozza biex jiftaħ il-luggage boot iżda l-cameras ma setgħux jaqbdu eżattament x’kien qed jagħmel. Hu reġa daħal u tliet minuti wara deher joħroġ mill-appartament u kien liebes flokk isfar li kien differenti mill-qmis li kien deher liebes hu u jasal fl-appartament.
Ikkonfrontat b’dawn l-inkonsistenzi, Ganiou għall-ewwel baqa’ jinsisti mal-versjoni oriġinali u qal li l-aħħar li mar fl-appartament kien it-Tlieta ta’ qabel fejn kellhom x’jaqsmu flimkien. Wara madwar tliet kwarti fit-tieni interrogazzjoni, l-akkużat qal li ried jgħid il-verita u biex il-pulizija tinsa li qal kollox qabel. Hu qal li mar fuq il-post dakinhar tad-delitt u kkonferma li kienet għadha ħajja u nqala’ argument. L-Ispettur Arnaud xegħed li f’dan il-mument Ganiou qam jibki u qalilhom biex joqtluh. Qabad siġġu u ta daqqa fuq rasu stess pprova jsabbat rasu mal-ħajt. Il-Pulizija li kien hemm fil-kamra tal-interrogazzjoni żammewh u ġabu tabib u ħadu Monte Carmeli fejn dam jumejn rikoverat.
Sadanittant, kompla l-Ispettui fix-xhieda tiegħu, it-taqsima tal-forensika kompliet bl-investigazzjoni fl-appartament tal-vittma kif ukoll tal-akkużat fejn f’dan tal-aħħar sabu jeans u żarbun li kienu mċappsa bid-demm. Mit-testijiet tad-DNA irriżulta li d-demm kien tal-vittma. L-arma tad-delitt u l-qmis li kien liebes Ganiou baqgħu ma nstabux.
Wara li kien rilaxxat mill-Isptar Monte Carmeli, Ganiou kien arrestat mill-ġdid u fit-tielet sessjoni ta’ interrogazzjoni għażel biex ikellem lill-avukat Giannella De Marco. F’din l-interrogazzjoni, Ganiou ikkonferma li kien hemm argument bejniethom dakinhar tad-delitt u qal li meta wasal l-appartament, wasal qabilha u qagħad jistennieha. Ganiou stqarr li kif daħlet bdew jitkellmu dwar ir-relazzjoni, qam argument sħun u ġab sikkina mill-kċina. Staqsieha jekk verament tħobbux u mbagħad qal li ġew fl-idejn u taha daqqiet ta’ sikkina. Meta mistoqsi mill-Pulizija, l-akkużat qal li ma jiftakarx fejn taha daqqiet u x’għamel bl-arma u bil-qmis li kien liebes. Qal li ried jagħmel suwiċidju u l-qtugħ f’għonqu għamlu hu stess bl-istess sikkina li nqatlet biha Magri.
L-Ispettur Arnaud temm ix-xhieda tiegħu billi qal li mill-investigazzjoni irriżulta li b’kollox, Caroline Magri kellha ħames linji ċellulari u fl-ebda waħda minn dawn il-linji ma kien hemm telefonati bejn l-imputat u Caroline Magri.
Il-kumpilazzjoni tkompli
Il-Prosekuzzjoni qed titmexx mill-Ispettur Keith Arnaud filwaqt li l-Avukat Giannella De Marco qed tidher għal Djibril Ganiou.
//= $special ?>