“Mhux qed ngħid li Beppe Fenech Adami huwa ħati” – Edward Zammit Lewis
Il-Partit Laburista sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet sħiħa biex jattakka lill-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u lid-Deputat Tonio Fenech, u dan minkejja li l-esponenti Laburisti irrepetew, għal darba tnejn, li ma jridux jikkummentaw u jidħlu fil-mertu tal-każ.
F’konferenza tal-aħbarijiet, kemm il-Ministru Edward Zammit Lewis kif ukoll id-Deputat Laburista Luciano Busuttil ammettew li mhux kompitu tagħhom li jidħlu fil-mertu tal-każijiet, iżda ma ddejqu xejn jattakkaw lill-Partit Nazzjonalista.
“Mhux kompitu tagħna li niddeċiedu” iddikkjara l-Ministru Edward Zammit Lewis, meta kien qed jitkellem dwar allegazzjonijiet li saru mill-MaltaToday u l-gazzetta KullĦadd f’żewġ devjazzjoni minn Kastilja.
Edward Zammit Lewis kien qed jikkummenta minkejja li riċentament, il-kollega tiegħu Owen Bonnici, permezz ta’ kelliem tiegħu, ammetta ma’ The Times li mid-dokumenti kollha ppubblikati, m’hemm xejn li juri li Beppe Fenech Adami kien involut f’xi transazzjonijiet li qed jiġu investigati.
Dan ammettieh ukoll il-Ministru Edward Zammit Lewis stess waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, li ddikkjara: “mhux qed ngħid li Beppe Fenech Adami huwa kriminalment ħati”.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, li matulha qalu li mhux se jikkummentaw, l-esponenti Laburisti attakkaw ukoll lid-Deputat Tonio Fenech.
“Mhux se nidħlu fil-mertu tagħhom (taż-żewġ każijiet)”, insista Luciano Busuttil.
Muscat maqtugħ mir-realtà tal-familji Maltin u Għawdxin – il-PN
Intant, il-mod kif Muscat bagħat lil Edward Zammit Lewis u lil Luciano Busuttil jitkellmu dwar allegazzjonijiet infondanti li ġew miċħuda, juri l-mod kif Muscat hu maqtugħ mir-realtà tal-familji Maltin u Għawdxin.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li flok jiffoka fuq l-isfidi li għandhom il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin, Muscat jinsab mitluf f’attentati biex jiddevja l-attenzjoni minn fuq il-kriżi tiegħu bl-iskandlu tal-Panama u tat-tanker tal-gass.
Muscat għandu jispjega għaliex jibqa’ jiproteġi u jiddefendi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi li nqabdu li bdew jiftħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali biex fihom jitfgħu l-commissions. Dan waqt li jibqa’ jinsulenta lill-familji fil-bżonn bl-għotja ta’ 61ċ fix-xahar.
Muscat huwa maqtugħ mir-realtà tal-familji Maltin u Għawdxin, tant li spiċċa jitkellem biss dwar invenzjonijiet li jinħolqu f’Kastilja, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.