Internazzjonali

Jirvellaw għall-qtil ta’ mara u binha f’Thessaloniki

Il-Pulizija Griega qalet li grupp ta’ immigranti li huma residenti ta’ kamp fil-limiti ta’ Thessaloniki rvellaw wara li mara u binha ntlaqtu minn karozza, bit-tnejn jitilfu ħajjithom b’konsegwenza.
L-irvell żbroffa fil-lejl tal-Ħadd wara li l-ambulanza damet biex tasal fuq il-post tal-inċident. Ir-residenti tal-kamp inkwistjoni qalu li huma kienu talbu lill-pulizija biex iwasslu lill-mara u binha l-isptar b’wieħed mill-patrol-cars, iżda l-pulizija rrifjutaw din it-talba.
Minn dak il-ħin bdiet tiela t-tensjoni sal-punt fejn l-immigranti għalqu t-triq ta’ barra l-kamp u bdew igaraw il-ġebel lejn il-pulizija. Numru ta’ aggressuri anki taw in-nar lil xi karozzi tal-pulizija, b’tal-aħħar jirreaġġixxu bil-gass tad-dmugh u stun grenades. Intant, l-aħħar rapporti qalu li, mal-ħin, ‘irritornat il-kalma’ fil-kamp li, bħalissa, qed iżomm mal-1,300 immigrant.