Lokali Qorti

Mara arrestata fil-Mosta b’rabta mal-Mafja Taljana

Taljana mfittxija mill-‘Isquadra AntiMafia’ ġiet arrestata fil-Mosta wara ħidma konġunta bejn l-Awtoritajiet Taljani u l-Pulizija ta’ Malta.

Dan wara li l-Korp tal-Pulizija ġie mitlub mit-Taljani sabiex jgħin fl-investigazzjonijiet dwar attivitajiet mafjużi li jinkludu fost oħrajn estorsjoni, serq w użura.

Sadanittant qiegħed jiġi rrapurtat li l-mara ġiet identifikata bħala Donatella Concas, li kienet ilha mfittxija mill-Awtoritajiet Taljani għal dawn l-aħħar sena w nofs wara li ħarbet minn pajjiża. Flimkien ma’ diversi persuni oħra, hija kienet ġiet arrestata lura fl-2011 f’waħda mill-akbar operazzjonijiet antimafja li qatt saru fl-Italja.

Kelliema għall-Pulizija żvelaw li l-mara ta’ 40 sena kienet qed toqgħod fil-Mosta stess madanakollu l-awtoritajiet kienu qed jistennew mandat t’arrest Ewropew sabiex l-isuspettata setgħat tiġi arrestata minnufih.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li issa qed isiru t-tħejjiet neċessarji sabiex it-Taljana tiġi estradita lura lejn pajjiża.