Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo qal li ma kien jaf xejn dwar il-fatt li rappreżentant tal-FIFA daħal 10 minuti qabel il-logħba Litwanja kontra Malta biex jgħid liż-żewġ timijiet u r-referees li l-logħba kienet qed tattira betting illegali.
Qal dan f’konferenza stampa, fejn sostna li sar jaf b’dan il-każ għaliex ġie mgħarraf li fil-ħarġa tal-bieraħ tal-ġurnal “The Times”, hemm rapport dwar dan il-każ. Iżda l-President qal li hu għadda l-informazzjoni li kellu u ma jafx xejn aktar fuq dan il-każ, fejn tenna li għalih hu inaċċettabbli li rappreżentant tal-FIFA jidħol ftit minuti qabel il-logħba. Bħal ma qal fir-rapport li deher f’The Times, Norman Darmanin Demajo qal li dak li għamel dan ir-rappreżentant tal-FIFA teżisti fir-regoli u għalhekk ma kiser l-ebda regola.
Minħabba l-fatt li Darmanin Demajo qal li sar jaf bl-aħbar minn ġurnal, dan wassal biex jiġi konfermat li l-ebda plejer, staff tekniku jew xi persuni oħra ma nfurmaw lill-President li persuna mill-FIFA daħal eżatt qabel il-logħba.
Fuq dan il-każ, il-President tal-MFA irċieva rapport minuta b’minuta tal-betting tal-logħba fejn qal li anki sa 20 minuta minn tmiem il-logħba, meta r-riżultat kien għadu 0-0, il-betting kien għadu suspettuż li l-iskor ikun ta’ żewġ gowls jew aktar.
//= $special ?>