Għawdex Lokali

Punt essenzjali minsi għal kollox f’dan il-baġit – Front Favur il-Mina

Fi stqarrija il-Front Favur il-Mina saħqu li filwaqt li jaqblu mal-proposta tal-Gvern li jkun hemm servizz tal-Gozo Channel bejn Malta u Għawdex aktar effiċjenti, huma għamlu premura li dan irid isir mill-aktar fis u mingħajr aktar tlaqlieq.

Dan filwaqt li insistew li ġaladarba dan is-servizz jiġi introdott, għandu bżonn li jkun jista’ jgħaqdi d-domanda taċ-ċittadini li kull ma’ jmur qiegħda tiżdied.

Fl-istqarrija il-Front faħħru l-qbil li ntlaħaq bejn Transport Malta u l-Università ta’ Malta dwar l-istudju ġeoloġiku li ser isir bejn il-fliegu li jaqsam Malta u Għawdex.

Huma ddeskrivu s-sejħa ta’ proposti għal disinn ta’ mina taħt il-baħar bejn il-gżejjer Maltin, li tħabbret waqt il-budget, bħala pass ‘il quddiem. Madanakollu saħqu li dawn l-istudji għandhom isiru u mhux paroli biss filwaqt li l-miżuri iridu jittieħdu fi żmien stipulat li ġie mwiegħed.
Finalment il-Front Favur il-Mina saħqu li punt essenzjali tħalla barra minn dan il-budget, hekk kif ma’ ġiet proposta l-ebda soluzzjoni dwar is-servizz tal-Gozo Channel,  li prinċipalment kien iġorr trakkijiet bil-merkanzija bejn l-Imgarr Għawdex u Sa Maison.