Lokali

Rumen iweġġa’ gravi wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar sular f’sit ta’ kostruzzjoni

Żagħżugħ Rumen ta’ 25 sena sofra feriti gravi wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar sular f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Birgu. Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9.20am fi Triq iċ-Ċentinarju.

Fil-post issejħu l-Pulizija mill-Għassa ta’ Bormla u tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Mal-wasla l-Isptar, iż-żagħżugħ Rumen kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Caroline Farrugia Frendo, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta. Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.