Is-sewwieq li b’veloċità qawwija tela’ fuq bankina u kważi nqeleb meta laqat ħajt tas-sejjieħ, se jkun qed jitressaq il-Qorti.
Dan kien konfermat minn kelliem għall-Pulizija f’risposti għall-mistoqsijiet ta’ NETnews.com.mt.
Dan is-sit staqsa jekk sarx rapport dwar dan l-inċident, bil-Pulizija jikkonfermaw li saret investigazzjoni dwar l-inċident wara li l-Pulizija saret taf bil-każ minn fuq il-media soċjali.
Il-filmat, li fi ftit żmien sar popolari ħafna fuq il-media soċjali, juri sewwieq ta’ karozza li seta’ kkawża inċident b’konsegwenzi serji f’Ħaż-Żebbuġ.
Is-sewwieq jidher ġej b’veloċità eċċessiva, u kif jasal fejn ir-roundabout, jitla’ fuq bankina u jibqa’ sejjer – sakemm jieqaf viċin ir-roundabout.
Wara li kien imxandar il-filmat, kienu ħafna li kkundannaw dan it-tip ta’ sewqan – iżda oħrajn iddefendewh, fejn saħqu li wieħed ma jistax jikkonkludi x’ġara mingħajr ma jkun jaf iċ-ċirkostanzi.
//= $special ?>