Bejn il-paroli tal-baġit u l-fatti, hemm ħofra tikkumbatti. Għax bħalma sena u nofs ilu l-Prim Ministru kien mar iqiegħed l-ewwel ġebla ta’ torri li baqa’ ħofra, l-istess il-paroli ta’ kull baġit tiegħu f’kuntrast mal-fatti li rriżultaw fi bwiet in-nies.
Pagi jistaġnaw u jonqsu f’Malta…
Ċifri tal-Unjoni Ewropea dwar il-pagi juru li l-paga medja reali f’Malta – jiġifieri wara li tqis dak li kiellek minnha l-għoli tal-ħajja – naqset. Anke l-aħħar ċifri nett dwar din is-sena stess, ikomplu jikkonfermaw dan.
…għax ma laħħqux mal-għoli tal-ħajja
Dawk huma l-fatti. Il-paga medja f’Malta naqset – u allura naqset ukoll il-pensjoni medja – għax ma laħħqitx imqar mal-għoli tal-ħajja li jammetti l-Gvern, li diġà hu fost l-ogħla fl-Ewropa.
Il-Caritas sabet għoli tal-ħajja reali ħafna ogħla minn dak li jgħid il-Gvern
U l-Caritas fi studju xjentifiku kejlet l-għoli tal-ħajja veru u sabet li dan hu ferm aktar minn dak li jammetti l-Gvern. Tliet snin ilu, il-Caritas sabet li familja tipika kellha bżonn 10,600 ewro f’sena biex tixtri l-prodotti u s-servizzi ħalli kemm tgħaddi. Issa, l-istess affarijiet għolew għal 11,400 ewro, għoli tal-ħajja ta’ 8% – ħafna aktar milli jammetti l-Gvern. Dawn huma l-fatti.
Għalhekk iż-żieda fil-faqar
Għalhekk żdied il-faqar – fatt ieħor. Apparti l-faqar ġenerali li żdied minn 88,000 għal aktar minn 94,000, il-faqar fi flus taħt dal-Gvern ukoll żdied bl-eluf, minn 65,000 għal kważi 69,000. Dawn huma l-fatti miċ-ċifri tal-Gvern stess.
L-anqas żidiet fil-pagi fi 30 sena
Iż-żidiet li ta dal-Gvern huma l-anqas li qatt ingħataw fi 30 sena, kemm ilha li tneħħiet il-friża Laburista fuq il-pagi; żieda minnhom ta’ 58 cents. Il-paga ma laħħqitx għax dawn iż-żidiet mhumiex maħdumin fuq l-għoli tal-ħajja veru.
It-totali minfuħin bil-ħaddiema barranin…
Il-paga medja – average – hi ħafna differenti miċ-ċifri li jitkellem fuqhom il-Gvern. Il-Gvern jitkellem fuq totali li żdiedu għax żdiedet il-popolazzjoni, speċjalment aktar minn 31,000 ħaddiem barrani bil-ktieb – apparti dawk bla ktieb – li lesti jaċċettaw pagi baxxi.
…imma l-paga u l-pensjoni medja tonqos
Imma meta tiddividi biex toħroġ l-average, hemm joħroġ x’qed idaħħal il-ħaddiem medju Malti fil-but – pagi jonqsu b’mod reali taħt dal-Gvern u pensjonijiet jonqsu wkoll. Dawn huma l-fatti.
Żieda ta’ 880 miljun fid-dejn tal-pajjiż
L-istess bħad-dejn tal-pajjiż. L-aħħar ċifri tal-Gvern stess juru kif dal-Gvern żied id-dejn bi 880 miljun, kważi biljun ewro. U dan meta daħħal mijiet ta’ miljuni mill-bejgħ tal-wirt tal-Gvern Nazzjonalista.
Ta’ Kastilja mhux frak ħadu…
Ara ta’ Kastilja, la kellhom pagi jonqsu u lanqas dejn jiżdied. Dan hu l-ewwel baġit wara l-iskandlu tal-Panama li kixef kif f’Kastilja bdew jiftħu l-kontijiet u l-kumpaniji sigrieti ħamest ijiem biss wara li telgħu, biex ipoġġu fihom 5 miljun ewro u miljun dollaru fis-sena.
…imma kejk ta’ miljuni
Dik hi d-differenza bejn il-paroli sabiħ tal-baġit u l-fatti fi bwiet in-nies f’kuntrast ma’ bwiet Kastilja.
https://youtube.com/watch?v=9sW0I2sFTU8%3Frel%3D0%26autoplay%3D1
//= $special ?>

