Lokali

FILMAT: Chris Cardona jgħid li l-Gvern m’għandux flus biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl

“Nifhem it-talba tal-imsieħba soċjali imma t-traħħis sewa lill-Gvern €80 miljun”

Il-Ministru tal-Ekonomija (u deputat mexxej Laburista) Chris Cardona qal li l-Gvern m’għandux flus biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

“Nifhmu din it-talba li qed jagħmlu l-istakeholders u l-imsieħba soċjali biex jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, pero ma ninsewx, li din il-miżura, lill-Gvern Laburista swietu €80 miljun” ammetta l-Ministru Chris Cardona, f’konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għall-budget.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, ġurnalisti minn diversi kmamar tal-aħbarijiet staqsew għaliex il-Gvern ma raħħasx il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ladarba il-pajjiż diġa felaħ iraħħas il-kontijiet grazzi għall-interconnector u l-powerstation tal-BWSC – żewġ proġetti ta’ Gvern Nazzjonalista.

Filfatt, matul l-aħħar sentejn, diversi imsieħba soċjali – partikolarment il-GRTU – appellaw biex jitraħħsu l-kontijiet b’tal-anqas 25% għax inkella tonqos il-kompetittività tal-pajjiż.

Ilbieraħ, f’reazzjoni għall-budget, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Oppożizzjoni biss kienet qed titkellem dwar roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Hu wieġeb hekk meta kien mistoqsi għaliex għat-tieni sena konsekuttiva l-Gvern injora t-talbiet tal-korpi kostitwiti biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.