Budget 2017 Lokali

Filmat: Muscat jikkonferma li mhux se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li mhux se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. U dan minkejja, waqt konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-Baġit, hu stess ammetta li pajjiżna ma jiddependix fuq iż-żejt.

Pajjiżna qed igawdi mis-servizz ta’ interconnector u Power Station effiċjenti tal-BWSC – żewġ proġetti ta’ Gvern Nazzjonalista. Grazzi għalihom, kienu raħsu l-kontijiet tliet snin ilu u jistgħu jibqgħu jitraħħsu, kif qed jisħqu l-korpi kostitwiti.

Iżda waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Muscat ikkontradixxa lilu nnifsu għax filwaqt li qal li pajjiżna ma jiddependix miż-żejt, ftit wara qal li jekk iraħħas il-kontijiet, ikollu jerġa’ jgħollihom minħabba ż-żejt.

Sadanittant, waqt li Muscat qed juża’ l-prezz taż-żejt bħala r-raġuni biex ma jraħħasx il-kontijiet, hu fatt magħruf li ż-żejt illum hu tliet darbiet orħos minn kif kien matul il-kriżi internazzjonali, tant li llum il-korpi kostiwiti jridu jaraw traħħis tal-kontijiet b’risq il-kompetittività.

Fl-istess waqt, il-Prim Ministru qed jgħid ukoll li l-kontijiet ma jistgħux jitraħħsu minħabba l-qagħda tal-Enemalta. Dan minkejja li fix-xhur li għaddew ta l-impressjoni li din l-entità mhijiex ta’ piż għall-pajjiż.

Segwi hawn taħt dak li qal il-Prim Ministru Muscat fil-konferenza tal-aħbarijiet.