Il-Qorti tal-Appell Kriminali ilbieraħ ikkonfermat is-sentenza ta’ 4 snin ħabs fil-konfront tal-eks President tal-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku Victor Spiteri wara li fl-2014, il-Qorti tal-Maġistrati sabitu ħati li kkorrompa tfajla ta’ 15-il sena. Il-każ kien seħħ f’Awwissu tal-2009. L-Ewwel Qorti kienet ordnat ukoll li isem Spiteri jitniżżel fir-reġistru ta’ persuni ħatja ta’ reati ta’ natura sesswali, is-sospensjoni tal-liċenzja li jġorr tfal tal-iskola għal għaxar snin u ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tat-tfajla u l-familja tagħha.
Il-każ kien ġie għall-attenzjoni tal-awtoritajiet meta l-boyfriend tat-tfajla, li kellu 25 sena, irrapporta li t-tfajla kellha relazzjoni sesswali ma’ raġel ta’ 47 sena li jsuq xarabank tat-tfal tal-iskola, li irriżulta li kien Victor Spiteri.
Il-minuri kienet xehdet li Spiteri kien qed jagħmel avvanzi fil-konfront tagħha meta kellha tnax-il sena u hi kienet fit-tieni sena tal-iskola sekondarja. Hi qalet li għall-ewwel irreżistiet l-avvanzi tiegħu iżda fis-Sajf ta’ wara, wara diversi messaġġi u telefonati, aċċettat li tiltaqa’ miegħu. Għall-bidu, hi kienet tiltaqa’ ma’ Spiteri fil-karozza tiegħu jew ta’ martu u kienu biss imissu lil xulxin, iżda wara xahar u nofs mill-ewwel laqgħa, hu kellu relazzjoni sesswali magħha, kemm fil-karozza, kif ukoll fir-residenza tiegħu u l-uffiċċju tal-ATP, li tagħha kien president.
Fil-konsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, ikkonfermat il-konklużjonijiet tal-Ewwel Qorti li, meta kienet iffaċċjata minn versjonijiet kontrastanti, ikkunsidrat id-deskrizzjonijiet preċiżi tal-minuri tal-karozzi ta’ Spiteri kif ukoll tar-residenza tiegħu u l-uffiċċju tal-ATP biex wasslet lill-Qorti temmen il-versjoni tat-tfajla.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell Kriminali ikkonfermat is-sentenza oriġinali ta’ erba’ snin ħabs fil-konfront ta’ Victor Spiteri. Barraminhekk, it-tliet snin fl-ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tat-tfajla u l-għaxar snin sospensjoni tal-liċenzja ta’ trasport tat-tfal tal-iskola jerġgħu jibdew mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali.
//= $special ?>
