Lokali

Il-Gvern se jibqa’ jisraq fuq id-dawl minkejja li jaf li jista jraħħas

Il-Gvern għandu problemi bit-tanker u qed jiprova jaħbihom

Minkejja li huwa ċar għal kulħadd li l-Gvern għandu minn fejn iraħħas il-kontijiet tad-dawl fil-wisa’, Joseph Muscat għażel li jwebbes rasu u jkompli jisraq lill-poplu. Dan huwa serq sfaċċat għaliex huwa ċar li l-interconnector, il-powerstation tal-BWSC u l-prezz internazzjonali taż-żejt ġabu tnaqqis sostanzjali fl-ispiża tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li l-Gvern messu ilu li għaddiha lill-konsumatur u lin-negozji.

Huwa għalhekk li l-aħbar tal-bieraħ li l-baġit ma naqqasx il-kontijiet tad-dawl kien xokk għal kulħadd u mhux għall-Partit Nazzjonalista, għall-Kamra tal-Kummerċ, għall-GRTU, għall-MEA, għall-UĦM u għall-korpi kostitwiti li talbu li jorħsu l-kontijiet sa mis-sena li għaddiet.

Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Marsaxlokk, li kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv Ann Fenech u mill-Kelliem għall-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastruttura Ryan Callus.

Marthese Portelli kompliet li “Dan ma seħħx għaliex għandna Prim Ministru rasu iebsa u li qed jiġi jaqa’ u jqum li jħalli lill-familji u lin-negozju jħallsu t-taxxa tal-korruzzjoni,”.

Ix-Shadow Minister fakkret li r-roħs fil-kontijiet ta’ sentejn ilu ma kienx dovut għall-powerstation ġdida għax din għadha lanqas biss hi lesta. Dan ir-roħs kien dovut għall-investiment ta’ Gvern Nazzjonalista fil-BWSC u l-interconnector u anki minħabba r-roħs fil-prezz internazjonali taż-żejt li waqa’ b’żewġ terzi fl-aħħar sentejn. Dawn it-tliet fatturi flimkien messhom ġabu roħs fil-wisq akbar minn dak li l-Gvern ta sentejn ilu.

Hi fakkret li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġà mpenja lilu nnifsu li ladarba jkun Prim Ministru se jixtri l-elettriku mill-irħas sors, jiġifieri mill-interconnector sabiex ikun jista’ jagħti r-roħs li mhux qed jagħti Joseph Muscat.

Minn naħa tagħha, Ann Fenech qalet li l-Gvern Malti għandu problemi biex jankra t-tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk u għalhekk it-tanker qed jidħol u jerġa’ joħroġ b’mod regolari. Hi sostniet li dan il-proċess qed iqajjem tħassib kbir, speċjalment għall-fatt li l-Gvern qed jibqa’ jaħbi dak kollu li qed jiġri, mingħajr ma jinforma lill-poplu Malti u Għawdxi x’diffikultajiet qed isib.

Ryan Callus sostna li l-Partit Nazzjonalista jistenna proċess ta’ konsultazzjoni serju, u li qabel jintemm dan il-proċess u jkun assigurat li ma hemm ebda riskju għar-residenti, t-tanker ma jiddaħħalx f’pajjiżna b’mod permanenti. F’dan il-każ, l-awtoritajiet għandhom jużaw il-prinċipju tal-prekawzjoni u ma jpoġġu lil ebda individwu f’riskju qabel ikunu magħrufin ir-riskji kollha li dan it-tanker kbir daqs tliet grawnds tal-futbol u li se jkun qed jaħżen mal-140,000 metru kbu ta’ gass se jġib miegħu.

Hu sostna li l-Gvern tant kemm jinsab dahru mal-ħajt f’din il-kwistjoni li qed iħawwad u jgerfex bil-għan li n-nies ma jifhmux il-veru riskji ta’ dan it-tanker. Fil-fatt, hu rrefera għal reklam fil-gazzetti tal-Ħadd li għadda li jgħidu li d-dokumenti relatati ġew ippubblikati u li għalhekk infetħet il-konsultazzjoni pubblika. “Illum, il-Gvern qed igiddeb dan l-istess reklam u jgħid li l-konsultazzjoni u d-dokumenti se jiġu ppubblikati għada,” qal Ryan Callus.