Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet ordnata tħallas €54,912 f’danni wara żbroff ta’ drenaġġ f’lukanda f’Għawdex. Il-każ imur lura għall-lejl bejn it-23 u l-24 ta’ Settembru tal-2009 meta waqt maltempata, kien żbroffa drenaġġ u far fis-sala tal-ballu tal-lukanda Grand f’Għajnsielem Għawdex, liema żbroff ikkawża danni konsiderevoli.
Fir-rikors preżentat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati t’Għawdex (ġurisdizzjoni Superjuri), il-kumpanija Belmont, li tmexxi l-Grand Hotel, sostniet li kienet ilha titlob lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex ittejjeb l-infrastruttura tad-drenaġġ fiz-zona, speċjalment minħabba l-fatt li kien sar żvilupp ta’ 60 appartament fl-inħawi meta l-infrastruttura diġa’ ma kienitx qed tlaħħaq mal-bżonnijiet.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri, semgħet ukoll li qabel l-inċident in kwistjoni, kien seħħ żbroff ieħor fil-lukanda fl-2005, fejn uffiċjali tal-Korporazzjoni kienu ssejjħu biex jispezzjonaw il-ħsarat li kienu saru fil-lukanda. Madanakollu ma ngħata ebda kumpens u l-lukanda kienet għamlet it-tiswijiet a spejjeż tagħha.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qablet mal-istima tal-Perit Tekniku Valerio Schembri li l-ħsara attwali kienet tammonta għal ftit inqas minn €55,000. Madanakollu, il-Qorti ċaħdet it-talba tal-operaturi tal-Grand Hotel biex tillikwida danni minn telf ta’ qliegħ ikkawżat mill-inċident minħabba li fl-opinjoni tal-Qorti, l-operaturi naqsu milli jressqu provi ta’ kemm kienu dawn id-danni meta setgħu faċilment jiġu kwantifikati.
Talbiet mis-soċjeta’ sabiex isir titjib fl-infrastruttura tad-drenaġġ kienu rtirati għaliex sakemm kienet għaddejja l-kawża, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wettqet dawn ix-xogħolijiet.
//= $special ?>

