Il-Forum tal-Unions Maltin qal fi stqarrija li l-budget imħabbar mill-Ministru Edward Scicluna jħalli diversi mistoqsijiet pendenti, fosthom dwar l-Air Malta.
“Jidher li l-inċertezza fuq l-Air Malta, għad-detriment tal-ħaddiema, se tibqa’ magħna għal diversi xhur oħra” qal il-For.U.M fl-istqarrija tiegħu.
Fil-budget intqal li l-viżjoni tal-Gvern dwar l-Air Malta hi li jħalli l-possibilitajiet kollha miftuħa.
“Il-For.U.M. tesprimi tħassib ukoll fuq is-sisa fuq il-materjal tal-bini, li minkejja li jidher li se jaffettwa proġetti ta’ ċertu kobor, l-ispejjeż żejda se jkunu qed jagħmlu tajjeb għalihom biss ix-xerrejja eventwali tal-appartamenti, inklużi first time buyers.”
Dwar l-iskema li żgħażagħ ta’ 18-il sena jirkbu tal-linja b’xejn, il-Forum Unions Maltin qal li ma jistax jifhem dwar ir-raġuni għaliex din l-iskema mhijiex disponibbli għall-istudenti kollha u ta’ kull età.
Fl-istqarrija tqajjmu wkoll mistoqsijiet dwar is-settur tas-saħħa, bil-For.U.M jgħid li “m’hemmx pjan konkret dwar kif se jinstabu infermieri ġodda”.
“L-aħħar iżda żgur mhux l-inqas, dan il-budget ma għandu l-ebda referenza għall-effett ekonomiku li tista’ tħalli fuq Malta id-deċiżjoni li se twassal biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala BREXIT,” temm jgħid il-Forum tal-Unions Maltin.
//= $special ?>