Lokali Qorti

L-Akkużat dam biex jitressaq għaliex il-Pulizija riedu jkunu mija fil-mija ċerti dwar il-ħtija tiegħu

Il-Pulizija damet biex ressqet lil persuna li hija akkużata bil-qtil tiegħu fil-Qorti minħabba li ma kienx hemm ċertezza assoluta dwar il-ħtija tiegħu. Minkejja li xhieda li kien hemm fil-ħanut identifikaw min kien l-aggressur, il-Pulizija qalet li riedet tkun mija fil-mija ċerta qabel ma l-akkużat jitressaq il-Qorti.

Dan ħareġ mix-xhieda li ta l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo waqt is-sessjoni ta’ filgħodu hekk kif illum kompla jinstema l-ġuri dwar il-qtil tan-negozjant Taljan Vittorio Cassone fil-ħanut tiegħu f’San Ġiljan, każ li jmur lura 23 sena ilu.

Il-vittma, Vittorio Cassona ta’ 58 sena, kienet qed iservi xi klijenti fir-ristorant Chef Italy meta raġel b’wiċċu mgħammad ħareġ minn vann li waqaf barra mir-ristorant u daħal fl-istabbiliment. Minkejja li kien tah Lm150 (madwar €350), l-aggressur sparalu tiri f’sidru u miet fuq il-post.

F’dan il-ġuri, li qed jinstema quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, isem l-akkużat ma jistax jixxandar għax kien minorenni meta seħħ il-każ. Huwa qed ikun akkużat b’seba’ kapi ta’ akkuża – dik ta’ omiċidju volontarju, serq ikkwalifikat bil-vjolenza, mezz, ħin u valur, żamm jew issekwestra persuna/i kontra l-volonta tagħha/tagħhom, kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija u ġarr arma kkargata.

Fuq il-pedana tax-xhieda, l-eks Kummissarju tal-Pulizija spjega li l-involviment tiegħu b’rabta ma’ dan il-każ, beda l-għada li seħħ id-delitt, jiġifieri nhar l-14 ta’ Jannar 1993. Qal li huwa kien involut fl-interrogazzjoni tal-akkużat, fl-ID Parades kollha li kienu saru kif ukoll l-inkjesta li saret mill-Maġistrat Carol Peralta.

Huwa qal li l-akkużat kien maħrub mill-Ħabs ta’ Kordin u li ma kienitx l-unika persuna maħruba dak iż-żmien. Sostna li x-xhieda li kien hemm fil-ħanut, tliet Taljani u mara Maltija, kienu murija ritratti ta’ diversi persuni bil-għan li jiġi identifikat il-persuna li wettqet id-delitt.
Qal li mid-deskrizzjoni tagħhom, ix-xhieda qalu li l-aggressur kien liebes tights tan-nylon tan-nisa f’rasu. “F’kull ID Parade li saret, ix-xhieda identifikaw lill-akkużat kemm meta kienu lebsin it-tights f’rashom kif ukoll meta ma kienux b’wiċċhom mgħammad bħala l-persuna li sparat fl-inċident imsemmi.”
L-eks Kummissarju iżda qal li ma kinux ċerti mija fil-mija li kien l-akkużat li wettaq dan ir-reat, “iżda x-xhieda kollha qalu li kienu 99.9% ċerti li kien hu”. Kien hawnhekk li qal li minħabba li ma kienx hemm dik iċ-ċertezza, il-Pulizija kompliet tinvestiga biex eventwalment ikollha ċertezza assoluta illi l-akkużat kien ikkommetta dan id-delitt.

Il-ġuri jkompli. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Annemarie Cutajar u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-akkużat hu assistit mill-Avukati Marion Camilleri u Franco Debono.