Il-Ministru għall-Intern tal-Awstrija, Wolfgang Sobotka, irtira minn kummenti dwar pjan biex jitwaqqa’ l-bini, fi Braunau am Inn, fejn kien twieled l-eksdittatur Nażista, Adolf Hitler, fl-1889.
Sobotka, qabel, qal li kumitat ta’ esperti kien ‘iddeċieda’ li d-dar inkwistjoni kellha titwaqqa’ – b’dan il-kumitat, issa, qed jinsisti bil-kontra, fuq bażi li ‘it-twaqqigħ tad-dar ikun qed jammonta għal ċaħda dwar l-istorja tan-Nażi, fl-Awstrija.’
Il-Ministru Sobotka qal lill-ġurnalisti li r-residenza għandha tkun ‘ikkonvertita b’mod li ma tibqax rikonoxxibbli minn kif kienet’. Hu kompla li wieħed jista’ jiddibatti jekk proċess bħal dan jinvolvix ‘twaqqigħ ta’ bini’ u li l-periti se jkunu mistiedna biex iressqu l-proposti tagħhom.
Adolf Hitler kien twieled ġo kamra mikrija fil-bini ta’ Braunau am Inn, qrib il-fruntiera tal-Awstrija u l-Ġermanja, fl-20 ta’ April tal-1889.
Il-bini ilha s-snin is-suġġett ta’ tilwima bejn is-sid, Gerlinde Pommer, u l-Gvern tal-Ġermanja li ilu jikriha mill-1972 biex jevita kwalunkwe użu ħażin tas-sit.
Sadanittant, il-kumitat ta’ esperti li nħatar biex jiddeċiedi d-destin tal-bini bagħat stqarrija li hu ‘kontra l-kunċett tad-demolizzjoni f’dan il-każ’ filwaqt li ċaħad ‘l-impressjoni li ngħatat li l-membri (tal-kumitat) kienu rakkmandaw biex il-bini titwaqqa’. Il-membri, intant, ħarġu l-proposti għal ‘konversjoni arkitettonika totali’ biex id-dar ma jkollhiex daqstant poter simboliku.
//= $special ?>