Internazzjonali

L-Indja: Imutu qalb nirien ġo sptar fl-Istat ta’ Odisha

 

Mietu almenu 20 persuna f’nirien kbar li ħakmu sptar lejn il-Lvant tal-Indja, bl-awtoritajiet jgħidu li ħafna mill-vittmi tilfu ħajjithom b’konsegwenza tad-dħaħen li belgħu.

In-nirien qabdu f’taqsima għall-kura intensiva ġo faċilità privata fil-belt ta’ Bhubaneswar, fl-Istat ta’ Odisha – bil-fjammi ma jdumux biex jinfirxu f’sezzjonijiet oħrajn tal-isptar. Intant, is-servizzi li wieġbu għall-emerġenza kellhom jitrasferixxu għexieren ta’ pazjenti mill-isptar lejn faċilitajiet mediċi oħra tal-belt.

Ir-rapporti qalu li ‘il fuq minn 100 midruba b’riżultat tan-nirien kienu qed ikunu trattati fi sptarijiet taz-zona u ġo kulleġġ mediku f’Cuttack. Ħafna fost dawn il-midruba kienu jinsabu f’kundizzjoni kritika.

L-iskwadri għal kontra n-nirien maż-żmien irnexxielhom jikkontrollaw il-fjammi, b’sorsi infurmati jissuspettaw li t-traġedja kienet dovuta għal xi problema fis-sistema tal-elettriku fil-faċilità partikulari.

Il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, jinsab  ‘imnikket bil-kbir’ bit-traġedja waqt li bagħat messaġġi ta’ solidarjetà lill-qraba tal-vittmi.