Internazzjonali

L-Iraq: Theddida għall-Ewropa mill-battalja għal Mosul

 

Il-qawwiet tal-koalizzjoni li, ilbieraħ, bdew offensiva ‘deċiżiva’ biex jieħdu lura l-belt ta’ Mosul minn idejn l-ISIS jidhru qegħdin jagħmlu ‘kisbiet bikrija’ f’din il-kampanja militari. Iżda uffiċjali qed iwissu li l-battalji għal Mosul għandhom jieħdu fit-tul mhux ħażin fost inkwiet dwar ‘ir-riperkussjonijiet umani’ tal-offensiva.

L-Armata  Iraqqija u l-alleati, fil-preżent, qed jiffaċċjaw ġgajtiet ta’ reżistenza meta l-istrateġija tagħhom hi li jiċċirkondaw Mosul qabel imexxu attakk ewlieni fuq iċ-ċentru tat-tieni l-aktar belt importanti tal-Iraq. Julian King, il-Kummissarju tas-Sigurtà mal-Unjoni Ewropea, wissa, intant, li l-UE għandha tipprepara ‘għar-ritorn ta’ ġellieda militanti f’artha’ f’każ li l-ISIS jitkeċċew minn din il-fortizza.

King tenna, waqt intervista, li, f’dan il-każ, anki numru żgħir ta’ militanti għandhom jimponu ‘theddida serja ħafna għall-Ewropa’. Iżda għalkemm, bħalissa, hemm xi 2,500 terrorista li ġejjin mill-pajjiżi tal-UE qalb iz-zoni għall-kumbattimenti King mhux jistenna eżodu tal-massa tal-ġellieda tal-ISIS lejn l-Ewropa.

It-truppi tal-Gvern Iraqi involuti fl-offensiva fuq Mosul qed ikunu megħjuna  mill-ġellieda Kurdi u elementi oħra ta’ koalizzjoni taħt tmexxija Amerikana, b’kelliema għall-Pentagon tal-Istati Uniti qed jistennew reżistenza iebsa mill-fanatiċi tal-ISIS.

Mifhum li  għad fadal 5,000 element tal-ISIS f’Mosul, bl-aħħar rapporti jirreferu għal ‘attakki miz-zona fuq tankijiet tal-gwerra tal-Armata tal-Iraq’. Madankollu, it-truppi tal-koalizzjoni anti-ISIS jidhru li ħatfu diġà l-kontroll f’diversi villaġġi fil-periferija tal-belt.

L-aħħar indikazzjonjiet huma li t-truppi tal-Gvern Iraqi, li kienu qegħdin javvanzaw fuq Mosul mid-direzzjoni tan-Nofsinar, waslu sa 40 kilometru ‘il bogħod mill-belt, bil-ġellieda Kurdi alleati wkoll jaslu qrib l-inħawi. Intant, l-aġenziji tal-għajnuna jibżgħu li s-sitwazzjoni tiżvolġi f’waħda mill-akbar kriżi umanitarji ta’ żmenijietna.