Budget 2017 Edukazzjoni Lokali

L-SDM diżappuntata dwar nuqqas ta’ inċentivi dwar it-trasport pubbliku

L-ikbar għaqda tal-istudenti fl-Università u l-Junior College, l-SDM, esprimiet diżappunt għall-fatt li l-budget preżentat it-Tnejn ma fihx inċentivi biżżejjed biex l-istudenti jużaw aktar it-trasport pubbliku.

Fi stqarrija l-SDM qalet li tapprezza l-proposta li żgħażagħ ta’ 18-il sena ma jħallsux għat-trasport pubbliku, pero din il-proposta weħidha “mhux se twassal biex tindirizza l-problema reali li jonqsu l-vetturi mit-toroq u t-traffiku ġenerali”.
“Mingħajr aktar inċentivi u bil-problema eżistenti tat-traffiku, l-istudenti effetivament se jkomplu jirrikorru għall-karozza personali tagħhom,” kompliet tgħid l-SDM.

L-SDM kkritikat ukoll il-fatt li għal sena oħra, ir-riċerka ma ngħatatx priorità mill-Gvern, filwaqt li nnutat b’diżappunt li proposta tal-SDM dwar sussidju għal min jixtri muturi jew roti ġiet injorata.

L-SDM hija l-akbar għaqda tal-istudenti u l-membri tagħha ġew eletti kemm fil-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) kif ukoll fil-Kunsill Studenti Junior College (KSJC).