Żewġt irġiel kienu kkundannati sentejn u nofs u mmultati €3,000 bejniethom wara li nstabu ħatja ta’ attentat ta’ “match-fixing” waqt logħba fil-kampjonat Malti tal-futsal
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkundannat lil Ronnie Mackay ta’ 35 sena, sena u nofs ħabs u mmultat €1,500 filwaqt li Chris Brincat ta’ 31 sena kien ikkundannat sena ħabs, sospiżi għal tliet snin u mmultat €1,500 wara li nstabu ħatja li ppruvaw jixtru plajer Niġerjan biex jarmi logħba.
Il-każ imur lura għal Settembru tal-2012 meta Franz Tabone, Integrity officer mal-Malta Football Association (MFA) kien għamel rapport lill-Pulizija wara li fis-27 ta’ Settembru 2012 hu kien infurmat mill-President ta’ Naxxar Lions li kien hemm tentattiv biex jixtru plejer tal-club tiegħu f’logħba kontra Gżira Utd.
Il-plejer in kwistjoni kien Sunday Eboh, ta’ nazzjonalita’ Niġerjana. Franz Tabone, flimkien mal-istess Eboh, mar jagħmel rapport fejn stqarr li dakinhar kien ċempillu Jermain Brincat, li kien jilgħab miegħu u qallu biex jiltaqgħu Gwardamangia. Eboh aċċetta iżda minflok Jermain Brincat, Eboh sab lil ħuh, il-ko-akkużat Chris Brincat flimkien mal-akkużat l-ieħor Ronnie Mackay. Wara din il-laqgħa, Eboh kien irrapporta din il-laqgħa lill-coach tiegħu. Fix-xhieda tiegħu, Eboh tenna li ż-żewġ akkużati kienu qalulu li l-Gżira kellha tirbaħ il-logħba.
Fis-sentenza, il-Qorti nnutat diversi inkonsistenzi fl-istqarrijiet kemm ta’ Brincat kif ukoll ta’ Mackay “li l-Qorti ma tistax ma tisletx il-konklużjonijiet tagħha dwar dan”.
Iż-żewġ ħatja ingħataw sena ċans sabiex iħallsu l-multa b’rati fix-xahar.
//= $special ?>

