Internazzjonali

Qalet li waqfu l-attakki fuq Aleppo

Ir-Russja qalet li l-ajruplani tal-gwerra tagħha u tal-Gvern tas-Sirja issospendew l-attakki fuq il-belt Sirjana ta’ Aleppo. Dan qabel, fis-sigħat li ġejjin, għandha tidħol fis-seħħ pawża mill-ġlied fis-Sirja bi skop umanitarju.

Il-Ministru tad-Difiża Russu, Sergei Shoigu, qal li l-bumbardamenti mill-ajru fuq Aleppo waqfu fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu meta r-Russja kienet ħabbret diġà waqfa ta’ tmien sigħat mill-ġlied li ssir effettiva nhar il-Ħamis. Ir-Russi, intant, qegħdin iħeġġu biex ċivili u ribelli fis-setturi tal-Lvant ta’ Aleppo jużaw ir-rotot stabbiliti biex jitilqu mill-inħawi.

Hu minnu wkoll, iżda, li l-ajruplani tar-Russja komplew jibbumbardjaw iz-zoni tar-ribelli f’Aleppo ‘sa ftit biss’ qabel ħarġet l-aħbar tal-bieraħ dwar is-sospensjoni tal-attakki.  F’attakk minnhom inqatlet familja ta’ ħamsa, meta magħruf li tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 430 persuna fil-bumbardamenti riċenti fuq iż-żoni tar-ribelli f’Aleppo.