Lokali

Editorjal: Theddida għas-sigurtà, ġerħa ambjentali u monument għall-gideb u l-korruzzjoni

Nhar il-Ħadd f’Marsaxlokk saret protesta mistħoqqa kontra theddida għas-sigurtà, kontra ġerħa ambjentali u kontra monument għall-gideb u għall-korruzzjoni. Dan hu t-tanker li Joseph Muscat staħa jmur jara dieħel fil-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Tanker theddida għas-sigurtà
It-tanker f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk fih riskji li l-Gvern qed iżomm moħbijin. Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi qed jaħbu l-istudji dwar it-tanker għax hemm sogru evidenti; kieku ma jaħbuhomx. Esperti mistednin fuq ix-xandir pubbliku ammettew li hemm riskji kemm ta’ ħarbien ta’ gass kif ukoll fil-maltemp.

Tanker ġerħa ambjentali
It-tanker messu nżamm barra l-Bajja ta’ Marsaxlokk. Hekk tgħid id-Direttiva ta’ Seveso tal-UE kif qed isir f’Livorno, l-Italja, fejn żammew it-tanker 20 km barra fil-baħar. Joseph Muscat, imma, qal lill-Kummissjoni Ewropea li madwar it-tanker raba’ hemm, mhux nies; lanqas biss ikkalkolahom lin-nies ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa.

Tanker gideb
Joseph Muscat wiegħed qabel u sa sena wara l-elezzjoni li jirriżenja jekk ma jagħmilx il-power station privata bla bżonn f’sentejn – gidba riżultat tal-korruzzjoni għax wara kważi 4 snin il-power station privata u bla bżonn għadha ma xegħlitx.

Tanker korruzzjoni
Kieku ma kellniex Gvern korrott, kieku għamel multi enormi fuq power station privata li s’issa ħadet id-doppju ta’ kemm suppost kellha tieħu. Imma l-korruzzjoni evidenti wasslet biex mhux talli m’għamilx multi, talli għal din il-power station privata qed jidher il-ħin kollu l-Gvern li saħansitra ggarantieha bi 360 miljun ewro.

Ftehim jinten
Illum għandna ġenerazzjoni tal-elettriku biżżejjed mill-wirt ta’ Gvern Nazzjonalista bl-interconnector ma’ Sqallija, bil-power station effiċjenti tal-BWSC u bl-elettriku mix-xemx. Il-Gvern stess kellu jammetti fiċ-ċifri tiegħu stess li qed jixtri bi rħis mill-interconnector żewġ terzi tal-elettriku li nikkunsmaw. Għaliex mela ntrabat li:
· jixtri l-elettriku kollu li tipproduċi power station privata,
· jixtrih bil-għali bi prezz id-doppju jew it-tripplu tal-interconnector, u
· jixtrih kollu u bil-għali għal 18-il sena sħaħ?

Korruzzjoni evidenti
Għaliex kif telgħu fil-poter, ħamest ijiem biss wara l-ġurament, minn Kastilja bdew jiftħu l-kontijiet u l-kumpaniji sigrieti fil-Panama u jgħidu li se jpoġġu fihom 5 miljun lira sterlina u miljun dollaru fis-sena?

Għalhekk il-protesta mistħoqqa kontra theddida għas-sigurtà, kontra ġerħa ambjentali u kontra monument għall-gideb; kontra tanker korruzzjoni.

https://youtube.com/watch?v=EyMO76mQoDk%3Frel%3D0