Għalkemm il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li jagħraf li l-problemi ta’ saħħa tal-pensjonanti dejjem jiżdiedu, aktar ma jikbru fl-età, fil-Budget 2017 ħabbar li dawk l-aktar fil-livell baxx tas-soċjetà se jingħataw biss €2.25ċ żieda fil-ġimgħa fl-Allowance Supplimentari maż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru tal-Finanzi, il-Ministru Edward Scicluna u l-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia tkellmu dwar xi bidliet imħabbra fil-Budget dwar il-pensjonijiet.
Il-Ministru Scicluna qal li meta persuna tasal għall-pensjoni, tieħu xokk meta tqabbel il-pensjoni mad-dħul li jkollha meta tkun taħdem. Madankollu, fil-Budget, il-Gvern ħabbar diversi żidiet fit-taxxi li jolqtu lil kulħadd, b’mod partikolari lill-pensjonanti.
Sadanittant, il-Ministru Michael Farrugia qal li miż-żieda fl-Allowance Supplimentari ta’ €2.25ċ, se jibbenefikaw madwar 11,000 koppja u 5,000 persuna single. Iżda meta mistoqsi dwar kemm-il binja ta’ akkomodazzjoni soċjali bena l-Gvern Laburista f’aktar minn tliet snin u nofs, il-Ministru Michael Farrugia ma għarafx iwieġeb.
Hu qal biss li dalwaqt se jibda proġett, filwaqt li fl-ebda ħin ma rrefera għall-proġetti ta’ housing soċjali li twettqu taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
Il-budget ta’ Muscat ifalli l-Caritas test dwar il-faqar – reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista permezz tax-Shadow Minister Puala Mifsud Bonnici u l-kelliema Robert Cutajar u Stephen Spiteri qali li minkejja l-ħafna pompa ta’ Joseph Muscat u l-Ministri tiegħu dwar miżuri lil dawk l-aktar vulnerabbli, l-budget ta’ nhar it-Tnejn li għadda, u li kien indirizzat anke dalgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministri Edward Scicluna u Michael Farrugia, jfalli, b’mod konkret, il-Caritas test dwar il-faqar.
Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-istudju dettaljat u professjonali tal-Caritas juri kif familji Maltin b’żewġt itfal b’ġenitur wieħed li jaħdem bil-paga minima għandhom bżonn €11,446 fis-sena biex jgħixu ħajja diċenti – €800 aktar minn kemm kellhom bżonn tliet snin ilu. Minkejja dan, iżda, l-budget ta’ Muscat se jkun qed jagħti ferm anqas lil dawn il-persuni, jiġifieri mhux talli mhux se jmorru għall-aħjar, iżda se jmorru għall-agħar. Mhux ta’ b’xejn li f’dawn l-aħħar tliet snin u nofs, in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar żdied b’6,000 – minn 88,000 għal 94,250, bl-akbar numru jkun fost l-anzjani.
Dan il-Gvern ilu tliet snin u nofs jinganna lill-familji l-aktar fil-bżonn, u issa qed jerġa’ jingannahom meta jgħidilhom li hu budget soċjali. L-agħar forma ta’ ingann hu li lil 41,000 persuna fil-faqar, il-Gvern se jtihom is-somma miżera ta’ 61ċ fix-xahar biex jiprova jagħmel tajjeb għaż-żieda kbira fil-prezzijiet tal-ikel.
Joseph Muscat, Edward Scicluna u Michael Farrugia qed ikomplu jingannaw lill-pensjonanti meta jgħidulhom li se jtihom żieda ta’ €4 fil-pensjoni. Din hija gidba għaliex minn din il-miżura se jgawdu biss 2,500 pensjonant, jiġifieri pensjonanti miżżewġin b’pensjoni minima. Dan minbarra l-fatt li din mhix veru żieda ta’ €4, iżda hija biss ta’ €2.25 għaliex l-€4 tinkludi ż-żieda tal-għoli tal-ħajja li se jeħodha kulħadd.
Dan il-budget hu wieħed kożmetiku u ta’ Gvern bla viżjoni għaliex mimli cut and paste mill-budgets tas-snin li għaddew, fost l-oħrajn b’referenzi għar-riforma fil-Pensjoni tal-Wens, l-allowance ta’ Carer, kif ukoll il-proġett ta’ €50 miljun f’akkomdazzjoni soċjali.
Tinduna kemm Muscat hu maqtugħ mir-realtà tal-familji Maltin u Għawdxin meta jiftaħar b’żieda fl-ispiża fis-servizzi soċjali li hi ferm anqas mis-sussidju li qed jagħti l-istess Gvern lil kumpanija waħda tat-trasport pubbliku.
Il-familji Maltin u Għawdxin jixirqilhom Gvern li tassew jindirizza l-isfidi li jiffaċċjaw bi proposti konkreti u li jagħmlu differenza fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.
//= $special ?>