Biex isalva fekruna bi tliet saqajn, Leander waqqaf dgħajsa biex jiddobba mqass. Leander Mizzi ta’ 21 sena kien ħiereġ mill-Port il-Kbir meta lemaħ il-fekruna tipprova tinħall mix-xbieki li nqabdet fihom.
Ma’ NETnews, jirrakkonta kif tella’ l-fekruna fuq id-dgħajsa tiegħu, iżda rrealizza li ma kellux imqass biex ikun jista’ jħoll lill-fekruna mix-xbieki. Għal din ir-raġuni, Leander waqqaf dgħajsa oħra li kienet għaddejja biex jiddobba mqass.
Il-fekruna li salva Leander għandha tliet saqajn – u għal din ir-raġuni, fl-aħħar jiem, kisbet popolarità fuq il-media soċjali. Madanakollu jidher li l-fekruna kienet ilha kkurata tant li meta ġiet meħlusa fil-baħar, bdiet tgħum b’mod normali.
Din ma kinitx l-ewwel fekruna li salva. Ma’ NETnews, Leander jispjega kif madwar ġimgħatejn ilu, salva fekruna oħra minn borża tal-plastik, qabel ħelisha fil-baħar.
Ritratt: Ir-ritratt tax-xellug juri l-fekruna bi tliet saqajn li Leander salva mix-xbieki. Ir-ritratt tal-lemin juri l-fekruna l-oħra li salva madwar ġimgħatejn ilu
//= $special ?>

