Il-Budget 2017 ma joffri xejn għas-Self-Employed u għall-Intrapriżi Żgħar u Medji. U dan minkejja li dan is-settur hu wieħed kruċjali għall-ekonomija ta’ Malta, tant li jekk ma jkunx indirizzat kif suppost, jinħolqu problemi għal setturi oħrajn tal-pajjiż.
Dan qalu l-Forum fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (FSMEPN) fir-reazzjoni tiegħu għall-Budget 2017, ippreżentat it-Tnejn li għadda.
Il-Forum innota wkoll kif kwistjonijiet oħrajn li jolqtu lin-negozji fil-ħajja ta’ kuljum, bħalma hi s-sitwazzjoni tat-traffiku, baqgħu mhux indirizzati. Dawn qed joħolqu problemi lin-negozji.
L-FSMEPN esprima wkoll it-tħassib tiegħu għad-deċiżjoni tal-Gvern li ma jraħħasx il-prezzijiet tad-dawl u l-ilma, minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt issa jinsab stabbli għal 50 dollaru kull barmil. L-insistenza tal-Gvern li jkompli jżomm dawn il-prezzijiet għolja qed tnaqqas ħafna mill-kompetittività tal-intrapriżi Maltin.
Il-Forum qal li żidiet fil-prezzijiet u fis-sisa ta’ prodotti differenti, kif imħabbra fil-Budget, se jolqtu ħażin l-importazzjoni u l-‘cashflow’ tan-negozjanti żgħar u medji. Dan fl-istess waqt li l-Gvern ma għamel xejn dwar metodi innovattivi biex ikunu mgħejjuna s-sidien tal-ħwienet, minkejja l-aspettattivi li kien hemm.
Filwaqt li faħħar it-tnaqqis fit-taxxa għal dawk il-ġenituri li jittrasferixxu n-negozji tagħhom għal uliedhom meta jkunu għadhom ħajjin, l-FMSEPN staqsa għaliex din il-miżura se tkun valida biss għal sena. Ikkonkluda li dan kollu juri budget bla viżjoni, minkejja li l-viżjoni hi l-aktar ħaġa li kumpanija jkollha bżonn biex tirnexxi.
//= $special ?>