Lokali

Il-Gvern jaħbi biċċiet mill-kuntratti tal-privatizazzjoni tal-isptarijiet – 60 paġna neqsin

Minkejja l-wegħda li jippubblikahom, Chris Fearne jinsisti li partijiet tal-kuntratti jibqgħu sigrieti

Sittax-il ġimgħa wara li l-kuntratti dwar il-privatizazzjoni tal-isptarijiet ġew iffirmati ma’ Vitals Global Healthcare, il-Gvern poġġa partijiet minn dawn l-istess kuntratti fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ftit qabel il-kuntratti tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra, il-Ministru Chris Fearne ikkonferma li partijiet mill-kuntratt se jibqgħu sigrieti, bil-Ministru jgħid li l-biċċiet “kummerċjalment sensittivi” se jitħallew barra, u għaldaqstant b’mod li l-pubbliku ma jistax jagħmel skrutinju tagħhom.

Iżda b’kollox ma ġewx ippubblikati 60 paġna mill-kuntratt – minn total ta’ 306 paġna. Dan ifisser li 20% tal-kuntratti iżammew moħbija mill-Gvern.

Wara l-elezzjoni, il-Gvern Laburista ddeċieda li jipprivatizza l-isptar San Luqa, l-isptar Karen Grech u l-isptar ġenerali ta’ Għawdex, xi ħaġa li ma kinitx imwiegħda fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista.

F’Ġunju tas-sena li għaddiet, kienet intgħażlet il-kumpanija ‘Vitals Global Healthcare’ bħala l-operatur il-ġdid ta’ dawn l-isptarijiet.

Il-kuntratti ma’ Vitals Global Healthcare kienu nnegozjati mill-Ministru Konrad Mizzi, meta dan kien għadu Ministru responsabbli mis-Saħħa. Filfatt, dan kien ikkonfermat mill-Ministru Chris Fearne stess fl-istess konferenza tal-aħbarijiet.

Konrad Mizzi, flimkien maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, inqabad li, ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali, beda jiftaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha jitfa’ l-commissions.

Dawn il-kuntratti jinsabu f’nofs kontroversja hekk kif l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-UĦM Voice of the Workers talbu investigazzjoni dwarhom mill-Awditur Ġenerali.

Ara l-artikli hawn:
Health service delivery agreement
Labour supply agreement
Service concession agreement