Dwar ir-ritratt ippubblikat minn NETnews, Chris Fearne jgħid li “dawn m’humiex pazjenti fil-kurituri”
L-għada li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ftaħar li ma fadalx aktar pazjenti fil-kurituri tal-isptar Mater Dei, feġġew ritratti li juru bil-kontra.
Żewġ ritratti li rċieva NETnews juru għadd ta’ pazjenti fl-istretchers fil-kurituri tal-isptar Mater Dei, uħud akkumpanjati minn qraba tagħhom.
Fil-Parlament, Chris Fearne ftaħar li ma fadalx iktar pazjenti fil-kuritur f’tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu.
Matul l-aħħar tlett snin u nofs, kienu diversi r-rapporti ta’ pazjenti fil-kurituri minkejja wegħdiet mill-Gvern li dawn jinqatgħu. Apparti minn hekk, kienu wkoll ħafna r-rapporti ta’ pazjenti li saħansitra kienu qed imutu fil-kurituri, f’ċertu każijiet minħabba l-fatt li l-kurituri ma jkunux atrezzati bl-apparat meħtieġ.
Fl-2014, il-Gvern Laburista kien irrifjuta li jippubblika l-‘Hospitality Activity Report’ tal-isptar Mater Dei, li jitkellem dwar in-numri ta’ pazjenti li jidħlu fl-isptar u fejn jitpoġġew.
Aġġornata b’risposta mill-Ministeru tas-Saħħa
B’reazzjoni għar-ritratt ippubblikat minn NETnews, il-Ministru Chris Fearne qal waqt konferenza tal-aħbarijiet li “dawn m’humiex pazjenti fil-kuritur” iżda pazjenti li jkunu qed jistennew riżultati mill-Emerġenza.
Il-Ministeru tas-Saħħa bagħat ukoll risposta li fiha qal li dan ir-rapport mhux veritier, peress li l-pazjenti li jidhru fir-ritratti huma pazjenti li qed jistennew testijiet mediċi bħal X-Ray jew jistennew ir-riżultat tal-istess testijiet.
Il-Ministeru żied li bejn April u Awwissu ta’ din is-sena ma kien hemm l-ebda pazjent li ngħata kura f’kuritur ta’ Mater Dei, iżda ammetta li bejn Jannar u April kien hemm 662 pazjent.
Il-Ministeru temm jgħid li dan jikkuntrasta mas-sitwazzjoni fl-2011 u fl-2012, bil-Ministeru jtemm ir-risposta tiegħu billi jiftaħar li dan hu mertu ta’ ħidma mill-Gvern f’Mater Dei.