Il-Malta Developers Association (MDA) fi stqarrija ħabbret li talbet lill-Awtorità tal-Ippjanar biex testendi ż-żmien li fih jistgħu jsiru sottomissjonijiet dwar il-Master Plan ta’ Paceville minħabba li dan hu dettaljat ħafna u hemm bżonn iż-żmien biex jiġi studjat.
L-MDA qalet li dan għamlitu wara numru ta’ talbiet magħmula waqt laqgħat ma’ membri tagħha li għandhom proprjetajiet li jistgħu jkunu effettwati bil-Master Plan proposta.
L-MDA qalet li tifhem li t-talba tagħha se tkun ikkunsidrata favorevolment u ħeġġet lil kull min hu interessat li jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu bil-miktub.
Sadattant, fil-jiem li għaddew, waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, Marthese Portelli, is-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport ukoll talbet li jkun hemm estensjoni tal-perijodu ta’ konsultazzjoni dwar il-Master Plan għall-Paceville.
Ir-residenti ta’ Paceville, in-negozji, l-operaturi u kull min għandu interess għandhom jingħataw iċ-ċans li jsemmgħu leħinhom – PN
Il-Partit Nazzjonalista jaqbel mat-talba tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi li talbet estensjoni tal-perjodu ta’ konsultazzjoni, kif diġà saħaq diversi drabi l-Partit Nazzjonalista waqt il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Fi stqarrija ffirmata minn Marthese Portelli u Ryan Callus, il-Partit Nazzjonalista jinsisti wkoll li l-estensjoni ta’ dan il-proċess għandu jinkludi wkoll laqgħat ta’ konsultazzjoni u informazzjoni mar-residenti li se jiġu affetwati minn dan il-pjan.
Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tħassar laqgħa ta’ konsultazzjoni mar-residenti ta’ Paceville u l-lokalitajiet viċin, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni ssir u ssir kif suppost.
Proċess ta’ konsultazzjoni għandu jkun wieħed serju u mhux isir biss bħala eżerċiżżju ta’ propoganda.
//= $special ?>


