Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Tonio Mallia u Joseph Azzopardi ordnat lil Malta International Airport (MIA) biex tħallas aktar minn €250,000 lill-Air Malta wara inċident li seħħ fl-2004.
Jirriżulta li qatgħa sturnell kienet baqgħet dieħla fil-magni tal-ajruplan hekk kif kienet qed tibda t-titjira KM100 lejn Londra f’Diċembru tal-2004.
F’dan l-inċident l-ajruplan tal-Air Malta kien ġarrab ħsarat ta’ madwar Lm107,551 u kien hemm l-assigurazzjon i ta’ Lm51,961. Minħabba l-inċident il-passiġġieri kienu tniżżlu minn fuq l-ajruplan għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell tal-MIA u ikkonfermat sentenza li kienet ingħatat erba’ snin ilu.
Fil-kawża ħareġ li f’dak il-perijodu, il-makkinarju li jintuża għall-kontroll tal-għasafar fuq il-mitjar kien biss trakk li kellu sistema biex tgerrex lill-għasafar. Minflok ma din il-vettura tħalliet tispezzjona l-mitjar, il-piloti ingħataw direttiva biex itiru.
Il-Qorti tal-Appell qalet li l-MIA bħala l-operatur tal-ajruport, kellha tassigura li l-miżuri biex jikkontrollaw l-għasafar kienu f’posthom.
//= $special ?>

