Diskussjoni dwar policy li tippermetti li djar tal-anzjani jiżdiedu b’żewġ sulari
Minkejja n-numru kbir ta’ sottomissjonijiet u petizzjoni mill-pubbliku l-abbozz tad-dokument li mistenni jippermetti li djar tal-anzjani jiżdiedu b’żewġ sulari inbidel biss b’għaxar kelmiet.
Dan ħareġ waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp li saret nhar l-Erbgħa filgħaxija li matulha kien diskuss il-Height Limitation Adjustment Policy for Retirement Homes li se jkun qed jippermetti li djar tal-anzjani jistgħu jgħollu l-bini tagħhom b’żewġ sulari.
Kienet Astrid Vella f’isem Flimkien għal Ambjent Aħjar li żvelat dan wara li qabblet l-ewwel abbozz mat-tieni abbozz li kellu jinkludi bidliet wara l-konsultazzjoni pubblika. Astrid Vella staqsiet lis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Deborah Schembri kemm f’każ bħal dan wieħed jista’ verament jitkellem dwar konsultazzjoni ġenwina.
Matul il-laqgħa l-Perit Joseph Scalpello mill-Awtorità tal-Ippjanar għamel preżentazzjoni li matulha spjega din il-policy Huwa spjega li ż-żieda ta’ żewġ sulari ma tkunx approvata f’numru ta’ ċirkostanzi fosthom jekk il-bini jkun f’żona ODZ jew f’żona jew sit skedat. Huwa qal li fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika ħafna mis-sottomissjonijiet kienu marbuta mad-djar tal-anzjani fl-Imtarfa, Ħ’Attard u Ħal Balzan.
Id-Deputat Ryan Callus talab li tingħata informazzjoni dwar djar eżistenti tal-anzjani u fejn jinsabu. Din l-informazzjoni se tingħata fil-laqgħa li jmiss.
Id-Deputat Ċensu Galea saħaq li din il-policy hija miftuħa għall-interpretazzjoni u hemm bżonn ta’ policy ċara partikolarment meta llum qed nitkellmu dwar metraġġ iktar milli fuq sulari.
Matul il-laqgħa numru ta’ kelliema staqsew jekk qabel ma tfasslet il-policy sarx xi studju dwar jekk djar antiki jew vojta jistgħux jinbidlu f’residenzi għall-anzjani. Dan l-argument sar mid-Deputat Ryan Callus u minn Astrid Vella li kkritikat il-fatt li qabel ma tfasslet din il-policy ma sar l-ebda sforz biex jingħataw inċentivi biex djar vojta jkunu jistgħu jinbidlu fi djar għall-anzjani.
Il-Perit Simone Vella Lenicker staqsiet x’kien il-prinċipju li wassal għal din il-policy bir-rappreżentant tal-Awtorità tal-Ippjanar iwieġeb li kien hemm domanda għal iktar spazju għal sodod għall-anzjani. Fil-bidu tal-laqgħa tal-kumitat parlamentari kien diskuss ukoll il-Master Plan ta’ Paceville li kien diskuss fid-dettall fil-laqgħa preċedenti ta’ dan il-kumitat. Wara talba li saret mill-membri tal-Oppożizzjoni fi ħdan dan il-kumitat parlamentari, il-grupp ta’ esperti li fasslu dan il-Master Plan se jkunu Malta fit-2 u fit-3 ta’ Novembru biex jagħmlu preżentazzjoni u jwieġbu l-mistoqsijiet tal-membri tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Il-membri tal-istess kumitat kienu mgħarrfa wkoll li l-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dan il-Master Plan kien estiż bi tliet ġimgħat.
//= $special ?>

