Lokali

Editorjal: Baġit bla ebda viżjoni

Il-baġit li tressaq nhar it-Tnejn iħassbek għal dak li m’għamilx u li żgur seta’ għamel – bħat-tnaqqis fir-rati tal-elettriku u l-ilma li talbet l-industrija privata li tipproduċi vera fil-pajjiż. Il-baġit fih il-loqom ta’ qabel elezzjoni ġenerali, imma anke dawn jikxfu xejriet importanti li seħħew tul l-aħħar tliet snin u nofs.

Gvern bla ebda viżjoni għal industriji ġodda
L-akbar nuqqas li fih dal-baġit hu n-nuqqas ta’ viżjoni. Dal-Gvern wiret mingħand ta’ qablu ħafna industriji ġodda li llum huma l-pistons tal-ekonomija tagħna. F’Ħal Farruġ, pereżempju, tara ringiela sħiħa ta’ ajruplani fl-industrija ġdida li ġab il-Gvern Nazzjonalista tat-tiswija tal-ajruplani. Imma dal-Gvern ma ġabx industrija waħda ġdida u f’dal-baġit lanqas biss imqar parla fuq xi industrija ġdida li tipproduċi xi ħaġa, li tħaddem il-Maltin u li tħallashom pagi tajbin; l-aktar ħaġa importanti.

Ma jafx fejn se jieħu lill-Air Malta
Mhux biss, fl-isfida kbira li għandha quddiemha l-Air Malta, dal-Gvern qed juri inkompetenza enormi: falliment fil-pjan li l-Air Malta kienet sejra tajjeb fih sa tliet snin ilu; il-bejgħ tal-Air Malta lill-Alitalia li mhux se tħallas, anzi qed titlob il-flus biex tieħu l-Air Malta; u issa l-irtirata mistennija u l-inċertezza kbira, allura, għall-ħaddiema tal-Air Malta stess u għat-turiżmu li tant jiddependi fuqha.

Nuqqas ta’ investiment kieku ma kienx għall-flus mill-Ewropa
Man-nuqqas ta’ viżjoni, nuqqas ta’ investiment. Kieku mhux għall-flus mill-Ewropa – mijiet ta’ miljuni fis-sena – li ġabhomlu l-Partit Nazzjonalista u li hu ma riedx, kieku dal-Gvern m’għandu l-ebda proġett fl-infrastruttura. Pereżempju fit-traffiku, dal-baġit jirrepeti l-istess paroli tal-baġit ta’ tliet snin ilu; tliet snin li fihom morna għall-agħar fit-traffiku u li fihom mill-paroli ta’ tliet snin ilu ma sar assolutament xejn.

Daqqa kbira fuq il-pagi u l-pensjonijiet fl-aħħar tliet snin u nofs
Element ieħor kbir li qed jirriżulta taħt dal-Gvern u li l-baġit bilfors kellu jikxef hu d-daqqa kbira fuq il-pagi u l-pensjonijiet. Il-paga medja u l-pensjoni reali – wara li tneħħi l-għoli tal-ħajja – taħt dal-Gvern naqsu. Hu għalhekk li l-Gvern kellu bilfors jidħol biex jillapazza ftit hu b’żidiet għal ċerti gruppi li anke hu u jtihom xi ħaġa gidbilhom: pereżempju, l-4 ewro li qal li se jagħti lil dawk fuq il-paga minima jinkludu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja; mela kulma se jagħti huma €2.25 li ħadhom mill-ewwel u aktar f’taxxi fuq dak li jixtru. U l-għotja tal-Gvern xorta tħalli l-problema hemm: pagi baxxi li l-Gvern m’għandu l-ebda pjan kif jistgħu jiżdiedu.

Għoli tal-ħajja ferm aktar minn kemm jgħid il-Gvern
Dan jorbot ma’ element ieħor li ħiereġ fl-istampa usa’ ta’ dawn it-tliet snin u nofs: l-għoli tal-ħajja reali li l-Caritas ikkonfermat bi studju mill-aktar serju u xjentifiku li hu ferm u ferm aktar minn dak li jgħid il-Gvern. Dakinhar tal-baġit stess il-Gvern ħareġ ċifri li jgħidu li l-għoli tal-ħajja lanqas biss hu 1%: eżattament 0.78% biss.

Din hi ċifra li jista’ jemminha biss min jemmen li f’Kastilja m’hemmx klikka korrotta li qed iddaħħal il-miljuni fil-commissions – kif qalet hi – li bdiet taħbihom fil-Panama u li nqabdet u li issa qed taħseb li l-korruzzjoni tista’ taħbiha bil-loqom ta’ qabel l-elezzjoni.

https://youtube.com/watch?v=woJXmxJq4ZM%3Frel%3D0