Unjoni Ewropea

Il-Kap tal-PN f’Maastricht għal Summit tal-PPE

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum ħa sehem f’Summit tal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew li ltaqa’ fil-Belt Olandiża ta’ Maastricht.

Is-Summit kien bi tħejjija għall-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li bdiet aktar tard illum.

Matul il-laqgħa ġew diskussi s-sitwazzjoni fis-Sirja, ir-relazzjonijiet mar-Russja kif ukoll il-futur tal-Unjoni Ewropea wara Brexit.

Il-belt ta’ Maastricht qed tfakkar il-25 anniversarju mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Maastricht li fl-1992 kien biddel l-isem tal-Komunità Ewropea għal Unjoni Ewropea u li kien beda t-triq lejn il-munita komuni, l-ewro, li daħlet fic-ċirkulazzjoni fl-2002.

Matul il-laqgħa ġie kkonfermat li l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li jmiss se jsir f’San Ġiljan, Malta, bejn id-29 u t-30 ta’ Marzu tas-sena li ġejja fuq inizjattiva tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Għal dan il-Kungress f’Malta mistennija jattendu il-mexxejja tal-partiti tal-PPE flimkien ma’ aktar minn 1,000 delegat minn madwar il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Preżenti għas-Summit ta’ llum f’Maastricht kien hemm, fost l-oħrajn, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Roberta Metsola.