L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) esprimiet diżappunt li partijiet mill-kuntratti li l-Gvern iffirma ma’ Vitals Global Health Care kienu ċċensurati u għalhekk ma nistgħux inkunu nafu x’fihom.
Fi stqarrija, il-MAM qalet li taqbel mal-pubblikazzjoni tal-kuntratti għall-privatizazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, San Luqa u Karin Grech, għalkemm diżappuntata li ammonti kbar tagħhom huma nieqsa.
Il-MAM saħqet li issa qed tistenna l-pubblikazzjoni tal-‘audit’ ta’ dawn il-kuntratti qabel tagħmel il-pożizzjoni tagħha aktar ċara wara li jintemm l-eżerċizzju min-naħa tal-Awditur Ġenerali.
B’kollox, mill-kuntratti hemm aktar minn 60 paġna li ġew iċċensurati, fosthom 43 paġna mill-kuntratt dwar il-konċessjonijiet ta’ servizzi u 23 paġna mill-ftehim li jitkellem dwar il-mod kif jinghata s-servizz tas-saħħa.
Barra minhekk, fil-paġni li tħallew fid-dokument hemm ammont kbir ta’ spazju vojt, li wkoll jidhru li ġew iċċensurati, fosthom numru ta’ dati li ġew mgħottija. Nieqsa wkoll mill-kuntratt, għax ġiet iċċensurata wkoll, hekk is-somma miftehma għall-privatizazzjoni tal-isptarijiet.
Min-naħa l-oħra, mill-kuntratt joħroġ ċar li l-ħaddiema f’dawn l-isptarijiet se jkunu qed jinkrew lill-Vitals Global Health Care. Dan ifisser li l-ħaddiema se jibqgħu tal-Istat, iżda se tkun qed tagħmel użu minnhom din il-kumpanija privata.
//= $special ?>