Il-prekarjat hi realtà eżistenti u reali, tant li fil-ġlieda kontra l-prekarjat għadna ma wasalniex. Din id-dikjarazzjoni saret mill-Ministru tas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia waqt seminar bit-tema “Ix-Xogħol Prekarju Jwassal għall-Faqar”, li kien organizzat mill-GWU.
Fost il-kelliema kien hemm ukoll il-Ministru Helena Dalli, ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġlieda Kontra l-Faqar Stephen Spiteri.
Il-Ministru Farrugia qal li qed issir proċess ta’ diskussjoni bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u min iħaddem biex tinstab formola ħalli tkun indirizzata l-kwistjoni tax-xogħol prekarju. Hu rrikonoxxa l-ħidma tal-Gvern Nazzjonalista biex iż-żieda tal-għoli tal-ħajja tingħata sħiħa lill-pensjonanti.
Min-naħa tagħha, Paula Mifsud Bonnici qalet li l-prekarjat hu forma ta’ faqar u tajjeb naraw li l-haddiem mhux biss ikollu paga tajba, iżda wkoll ikollu dinjità u rispett fil-post tax-xogħol. Qalet li f’pajjiżna m’għandniex definizzjoni eżatta ta’ x’inhu l-prekarjat.
Għaldaqstant, il-Gvern u l-Oppożizzjoni jridu jaħdmu flimkien biex titfassal Liġi ħolistika dwar ix-xogħol prekarju.
U Stephen Spiteri qal li l-Oppożizzjoni qed tressaq diversi proposti lill-Gvern biex il-faqar f’pajjiżna jonqos. Qal li fost il-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà tagħna hemm il-pensjonanti u dawk li jkollhom iħallsu l-kera, li dejjem qed togħla.
Qal li l-Gvern għandu jkun regolatur għax hawn ħafna familji li m’humiex ilaħħqu mal-kirjiet li għandhom.
//= $special ?>