Ambjent Lokali

It-talba għall-estensjoni tal-konsultazzjoni dwar il-Power Station se tkun diskussa mill-ERA

It-talba li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel lill-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex testendi l-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar il-permessi għall-Power Station ta’ Delimara u t-tanker tal-gass se tkun diskussa mill-Bord tal-Awtorità.

F’ittra li ċ-Chairman tal-ERA, il-Professur Victor Axiak, bagħat b’risposta għall-ittra ta’ Simon Busuttil ingħad li l-Awtorità qed tara li l-proċessi jsegwu l-obbligi mitluba fil-Liġijiet applikabbli.

Simon Busuttil għamel it-talba biex ikun estiż il-perjodu ta’ konsultazzjoni, anke fid-dawl li r-rapporti fihom aktar minn 15,000 paġna, li mhux biss iridu jinqraw f’dan iż-żmien qasir, iżda trid issir ukoll il-konsultazzjoni dwarhom. Il-konsultazzjoni pubblika nfetħet ilbieraħ u se tibqa’ miftuħa għal 30 ġurnata biss.

Fl-ittra tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li t-talba kienet qed issir issa għax kien biss issa, wara pressjoni kbira u wara aktar minn sentejn ta’ stennija, li kienu ippubblikati r-rapporti relevanti li suppost huma l-bażi tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.