Bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena kien hemm tmien inċidenti tat-traffiku fatali. Dawn kienu ta’ tliet sewwieqa, passiġġier u erba’ pedestrians li sfaw mejta. Ħamsa minn dawn l-imwiet kienu kkawżati minn karozzi tal-passiġġieri u tlieta minn muturi. Jirriżulta wkoll li għalkemm in-numru ta’ inċidenti tat0traffiku naqas, żdied in-numru ta’ nies li weġġgħu f’dawn l-inċidenti.
Dan joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar l-inċidenti tat-traffiku għat-tielet kwart ta’ din is-sena.
L-istatistika turi li n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li kienu rappurtati bejn Lulju u Settembru kienu jammontaw għal 3,809 li jfisser 7.4 fil-mija inqas mill-istess perijodu s-sena li għaddiet. L-akbar numru ta’ inċidenti seħħew fiż-żona tat-Tramuntana tal-Port il-Kbir b’36 fil-mija tal-inċidenti kollha.
In-numru ta’ nies li weġġgħu f’inċidenti tat-traffiku żdiedu b’10.8 fil-mija għal 513 fuq l-istess perijodu s-sena l-oħra. Kien hemm 264 sewwieq li ġarrbu ġrieħi u 450 każ kienu gravi. Kien hemm ukoll 26 passiġġier u 21 pedestrian li ġarrbu ġrieħi gravi. L-istatistika turi wkoll li kien hemm 110 passiġġier u 44 pedestrian li ġarrbu ġrieħi ħfief.
L-akbar numru ta’ nies li weġġgħu f’inċidenti tat-traffiku 72.3 fil-mija, kienu kawżati mill-karozzi tal-passiġġieri u wara mill-muturi b’20.5 fil-mija.
L-akbar numru ta’ inċidenti tat-traffiku li fihom weġġgħu in-nies seħħew nhar ta’ Sibt bi 17.2 fil-mija mit-total kollu filwaqt li l-akbar numru ta’ inċidenti tat-traffiku seħħew nhar ta’ Ġimgħa. Bħala l-akbar rata ta’ imwiet minħabba inċidenti tat-traffiku din grat is-Sibt.
Bħala lokalità, l-ogħla rata ta’ inċidenti tat-traffiku reġistrati matul it-tielet kwart ta’din is-sena, kienet f’Birkirkara b’294 u wara San Pawl il-Baħar b’213 u Ħal Qormi b’166 inċident tat-traffiku.
//= $special ?>

