Il-kandidat tal-Partit Repubblikan, Donald Trump, irrifjuta li jintrabat li jaċċetta r-riżultat tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti, fil-każ li hu joħroġ tellief. Hu qal dan waqt id-dibattitu finali, f’Las Vegas, mal-kandidat tal-Partit Demokratiku Hillary Clinton, fejn il-battibekki komplew fost l-arja ta’ animosità.
L-atteġġjament ta’ Trump, waqt id-dibattitu, kompla jħawwad il-borma tal-kontroversji li saru sinonimi mal-kandidat Repubblikan u issa hu qed jgħid li ‘jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara ladarba joħroġ ir-riżultat’. Dan meta Trump ilu l-jiem jinsisti li l-proċess lejn l-elezzjoni hu ‘immanipulat kontra tiegħu’.
L-istħarriġ popolari għadu juri li Trump qed jaqa’ lura fl-Istati meqjusa bħala deċiżivi, b’numru ta’ nisa qed joħorġu allegazzjonijiet dwar il-komportament ħażin tiegħu magħhom.
L-aħħar konfront bil-kliem bejn Trump u Clinton seħħ anqas minn tliet ġimgħat qabel il-jum tal-elezzjoni għall-Presidenza, fit-8 ta’ Novembru. Ir-rivali lanqas biss jieħdu b’idejn xulxin qabel dibattitu karatterizzat b’għajjat u interruzzjonijiet.
Sadattant nhar l-Erbgħa kien l-ewwel jum tal-votazzjoni bikrija (fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti) għall-votanti fl-Istati ta’ Ohio u Indiana. Il-konkorrenza kienet partikularment għolja f’Ohio, meqjusa fost il-key states f’din l-elezzjoni, bil-votanti taż-żewġ kampijiet jenfasizzaw l-importanza ta’ dan il-proċess.
Minkejja li l-elezzjoni għall-Presidenza hi skedata għat-8 ta’ Novembru, ħafna votanti Amerikani se jitfgħu il-vot minn qabel – b’36 Stati u d-Distrett ta’ Columbia joffru xi forma ta’ early voting għaċ-ċittadini.
Trump ma jintrabatx li jaċċetta r-riżultat
