120 rekluta ingħataw il-ġurament tal-ħatra bħala kuntistabbli tal-Pulizija waqt ċerimonja li saret fl-Akkademija tal-Pulizija f’Ta’ Kandja. Fost ir-rekluti hemm 28 mara.
Għal din iċ-ċerimonja attenda l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, uffiċjali tal-Pulizija u numru kbir ta’ qraba tar-rekluti l-ġodda.
Dawn ir-rekluti kellhom 14-il ġimgħa ta’ taħriġ akkademiku u prattiku u issa mistennija jitqassmu fl-għases fid-distretti tal-Pulizija.
Fl-aħħar tliet snin, daħlu 350 pulizija fil-Korp u kien hemm madwar 260 pulizija jew uffiċjali li intbagħtu għal taħriġ speċjalizzat barra minn Malta. Fost l-oħrajn ingħataw taħriġ dwar it-traffikar illegali tal-persuni, il-kriminalità fuq l-Internet, fis-settur tal-forensika u oqsma oħra speċjalizzati.
Waqt il-passing out parade ħadet sehem il-Banda tal-Pulizija flimkien mal-kontinġent tar-rekluti. Il-Ministru Abela spezzjona l-parata u wara sar march past. Wara r-rekluti ingħataw il-ġurament tal-ħatra.
//= $special ?>