Madwar ġimgħatejn ilu, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar b’pompa kbira li l-Gvern kien se jgħin lil 41,000 persuna fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar, filwaqt li se jalloka 61ċ fix-xahar biex jgħinhom.
Waqt żjara fil-Binja Okella Agius fil-Ħamrun, mistoqsi minn NETnews.com.mt dwar x’jistgħu jixtru b’61ċ fix-xahar, il-Ministru Michael Farrugia qal li dawn mhux se jingħataw flus, iżda prodotti. Qal li din l-għajnuna hi kumplimentari mal-għajnuna tal-ikel mill-Unjoni Ewropea.
Dwar iż-żieda qawwija li l-Gvern impona fuq il-kera tal-‘housing’, il-Ministru Farrugia qal li issa l-Gvern żied is-sussidju. Bħalissa hemm madwar 3,300 persuna li qed jistennew li jingħataw akkomodazzjoni soċjali mill-Gvern.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru Michael Farrugia qal li l-proċess biex il-Gvern jixtri appartamenti lesti mingħand il-privat għadu għaddej u dalwaqt ikunu ffirmati l-kuntratti tal-ewwel postijiet, li kienu fis-sejħa għall-proposti.
Mistoqsi dwar kif se jitħallsu dawn il-kuntratturi, il-Ministru Farrugia qal li dawn għandhom djun mal-Gvern u l-propjetà tagħhom se tkun valutata bl-iskop li jinqatgħu dawk id-djun.
//= $special ?>