Budget 2017 Għawdex

Il-Kunsill Notarili b’direttiva ċara dwar it-taxxa tal-boll

Minkejja li l-Gvern ħabba reviżjoni fit-taxxa tal-boll fuq il-propjeta’ f’Għawdex, in-nutara Għawdxin huma mħassba għall-fatt li ma ġewx konsultati, u fi kliemhom stess “dawn il-miżuri tal-Budget qed joħolqu kaos”.

Dan is-sit huwa nfurmat li l-Kunsill Notarili kiteb lill-Prim Ministru u għamilha ċara li n-nutara ingħataw direttiva biex ma jiġbru l-ebda taxxa u ma jiproċessaw xejn ġdid sakemm dawn il-bidliet ma jsirux liġi – għaliex id-diskors tal-Budget, fih innifsu mhux liġi.

In-nutara kitbu wkoll lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u qajjmu dawn il-mistoqsijiet:

Din it-taxxa tapplikax ghal konvenji li saru qabel it-18-10-2016, gew registrati qabel it-18-10-2016 u l-att ghadu ma’giex ippubblikat?

Jekk din it-taxxa tapplikax ghal konvenji li saru jew ser isiru fit-18-10-2016 sal-31-12-2016?

Jekk din it-taxxa tapplikax ghal kuntratti li ser isiru bla konvenju (ez bejgh bejn l-ahwa) wara it-18-10-2016?

X’jinftiehem b’residenza? Din tfisser residenza ordinarja? Min diga’ghandu iktar minn immobili wiehed jikkwalifika? Min jistri plot sabiex jibnihja jikkwalifika?

Jekk din it-taxxa tapplikax fil-kaz fejn jigi cedut konvenju li jkun sar u gie registrat qabel it-18-10-2016?

Jekk din it-taxxa tapplikax fil-kaz fejn ix-xerrej huwa kumpanija jew enti morali?

Jekk din it-taxxa tapplikax fil-kaz fejn ix-xerrej jinhtieg AIP permit sabiex jakkwista?

Il-kwistjoni kollha bdiet għaliex in-nutara f’Għawdex diġa’ ġew bumbardjati minn persuni li qed jitolbu li n-nutar iżomm 2% taxxa tal-boll fuq il-propjeta’, u mhux japplika r-rati normali. Din ir-rata iżda qed tiġi interpretata b’modi differenti, u allura inħolqu ħafna dubji żejda – anke minħabba l-fatt illi l-Gvern ma kkonsultax qabel tħabbret din ir-reviżjoni.