Edukazzjoni Lokali

Il-PN jistenna livell għoli fit-taħriġ professjonali li se jkun qed jingħata mill-Istitut tal-Edukazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’mod pożittiv it-tnedija tal-Istitut għall-Edukazzjoni li seħħet illum anke jekk dan ilu jaħdem sa minn Jannar. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li din l-inizjattiva tista’ tindirizza gaps fl-iżvilupp professjonali tal-edukaturi billi tikkoordina l-inizjattivi varji ta’ Żvilupp Professjonali Kontinwu sabiex jiġi assigurat li kull min jattendi, jibbenefika minn taħriġ adegwat.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jesiġi li t-taħriġ li se jiġi offrut minn dan l-Istitut ma jkunx wieħed li joħloq rotta ‘short cut’ biex persuni jsiru għalliema iżda li t-taħriġ li jingħata lil min jixtieq jidħol għal din il-professjoni b’serjetà u b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra kompetenti bħal Fakultà tal-Edukazzjoni u l-Kunsill għal Professjoni tal-Għalliema. Dan ikun jista’ jassigura li l-inizjattivi varji jkunu jistgħu jiġu kkoordinati u jkunu kumplimentari għal xulxin. Dan għandu jwassal sabiex it-taħriġ tal-għalliema dejjem jiżdied, jgħolli l-għarfien tal-għalliema għall- ġid tal-istudenti u anke sabiex il-professjoni tal-għalliem dejjem takkwista aktar rispett u fiduċja.

Minn naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jinnutax li t-tnedija ta’ dan l-Istitut seta’ jkun wirja vera ta’ kif l-edukazzjoni f’Malta ma jkunx ballun politiku.

Huwa għaldaqstant b’diżappunt li l-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Ministru Bartolo tilef ċans sabiex jeżerċita’ kollaborazzjoni fuq dan il-livell; meta ma aċċettax mozzjoni sabiex il-Kap tal-Oppożizzjoni jinnomina rappreżentant fuq dan il-Bord. B’hekk ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni jkun jista’ jsegwi dak li jkun għaddej u jagħti l-kontribut tiegħu fejn tinħass il-ħtieġa. Għal darb’oħra l-Oppożizzjoni uriet bil-fatti li trid tipparteċipa fit-tisħiħ tal-qasam edukattiv f’pajjiżna biex jinstabu s-soluzzjonijiet għall-isfidi l-ġodda tal-edukazzjoni.

Hija ħasra għal daqstant li l-Gvern mar għal ghażla kapriċjuża.

Il-Bord tal-istess Istitut illum għandu fih kemm rappreżentant tal-Iskejjel tal-Knisja kif ukoll rappreżentant tal-Iskejjel Indipendenti bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista. Dan sar b’emenda li kienet għamlet il-Partit Nazzjonalista għall-Avviż Legali li kien ħareġ il-Gvern, fejn il-Gvern kien ta biss rappreżentant wieħed nominat f’daqqa mill-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti.

L-istaff amministrattiv li hemm sal-lum fi ħdan dan l-Istitut ġie magħżul mingħajr sejħa tant li kollha huma persons of trust jew persuni li ġew detailed għal mal-istess Istitut. Dan joħroġ ċar minn tweġiba li ta l-Ministru Evarist Bartolo għall-Mistoqsija Parlamentari nru.27504 ta’ George Pullicino.