Internazzjonali

Il-President tal-Filippini jiksirha mal-Istati Uniti

Rodrigo Duterte

L-Istati Uniti se tfittex kjarifika għall-kummenti tal-President Filippin, Rodrigo Duterte, rigward ‘separazzjoni mill-Istati Uniti’. Duterte qal dan il-kliem waqt forum ekonomiku fiċ-Ċina fejn tenna li s-separazzjoni tapplika għall-kooperazzjoni militari u ekonomika.
Il-President Filippin informa negozjanti Ċiniżi u Filippini, f’Beijing, li kien qed iħabbar ‘is-separazzjoni mill-Istati Uniti minn aspett militari u ekonomiku, għalkemm mhux neċessarjament li minn aspett soċjali’. Hu qal li qed idur lejn id-direzzjoni ideoloġika taċ-Ċina u li, ‘forsi jista’ jmur ir-Russja biex ikellem lill-President Russu Vladimir Putin u jgħidlu li hemm tliet pajjiżi kontra d-dinja, li huma ċ-Ċina, il-Filippini u r-Russja’.
John Kirby, il-kelliem għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan, qal li r-rimarki jmorru kontra ‘ir-relazzjoni mill-qrib’ bejn l-Istati Uniti u l-Filippini. Kirby kompla li l-Istati Uniti hi ‘mistgħaġba b’dan il-kliem’ u li l-Assistent Segretarju tal-Istat Amerikan, Daniel Russell, kellu jżur Manila biex jipprova jikseb spjegazzjoni.